Join Us On:

News Archive

FESTA TA’ POPLU

Kulħadd jaf li l-festa ta’ San Ġorġ mhux biss ma jonqosha xejn, iżda l-elementi li jiffurmawha tant huma ta’ kwalità għolja, li l-unika biża’ hu li s-suċċess milħuq ma jinżamx fis-snin li ġejjin. Dan mhux biża’ fittizju speċjalment meta wieħed jikkonsidra l-livell eċċezzjonali tal-festa ta’ din is-sena. Għall-grazzja t’Alla, il-festa li għadha kif għaddiet u li għadha f’moħħ u f’qalb kulħadd, kienet espressjoni kollettiva tal-ġenju kreattiv tal-Belt Victoria imsieħba ma’ kapaċità organizzattiva mhux komuni.

Ċertament li fattur importanti hi ċ-ċentralità tal-Bażilika ta’ San Ġorġ u s-sede tal-Banda ‘La Stella’ fil-Belt Victoria. Dawn is-siti huma ċentrali għall-ħajja reliġjuża, soċjali u kulturali tal-Belt u tal-Gżira. Mhux biss il-postijiet fiżiċi huma fil-qalba u pass imbegħda minn xulxin u għaldaqstant huma bħal kalamità li tieħu gost tersaq lejha, iżda d-diriġenti ta’ dawn l-entitajiet jaħdmu id f’id fir-rispett tal-kompetenzi tat-tnejn għat-tisħiħ tas-suċċess tal-festa li hi r-regola tal-festa Għawdxija.

Dan mhux qed ngħiduh aħna sabiex niftaħru b’rixna. Avolja għandna kull dritt li nagħmlu dan, mhux biss għax ir-rix huwa tagħna, iżda għax San Ġorġ hi l-festa tal-fatti u mhux tal-paroli. Iżda wkoll dan kien il-ġudizzju tas-Sur Tabone, it-teżorier tas-Soċjetà Filarmonika Il Leone li fit-talba li hu kien għamel lill-Isqof Giovanni Maria Camilleri fis-sena 1897, huwa tenna li l-festa ta’ San Ġorġ “e’ la festa piu’ popolare del paese” (hija l-festa l-aktar popolari tal-pajjiż). U dan kien ’il fuq minn mitt sena ilu. Hekk kienet il-festa tagħna, hekk għadha u hekk ħa tibqa’ bl-għajnuna t’Alla. Hija festa li tiġbed in-nies minn kull rokna ta’ Malta u Għawdex li għalihom it-tieni ġimgħa ta’ Lulju ma jibdluha ma xejn. Huwa ta’ gieħ għall-organizzaturi li l-popolarità tal-festa mhux talli ma naqsitx matul dawn is-snin, iżda kibret u żdiedet b’tali mod li biex isib post f’Għawdex trid tibbukkja minn sena qabel.

In-nies li jkunu hawn għall-festa, ma humiex in-nies tax-xalati, iżda il-vera dilettanti u appassjonati tas-sbuħija fil-festa. Is-sbuħija hija l-kwalità li għaliha l-festa ta’ San Ġorġ hija “crowd-puller” non pareil. Is-sbuħija mhu xejn faċli li tiddeskriviha, iżda x’ħin tkun fil-preżenza tagħha tħoss lilek innifsek tinbidel għall-aħjar. Wieħed mill-elementi li jiddistingwuha mill-kruha u l-medjokrità hi l-proporzjon. Biex ħaġa tkun jistħoqqilha l-appellattiv ta’ perfetta jeħtieġ li tkun proporzjonata mhux biss fiha nnifisha, iżda fil-kuntest li jħaddanha. F’dan ir-rigward, is-sbuħija li tikkaratterizza l-festa ta’ San Ġorġ, toħrog naturali daqskemm hu naturali d-dawl għax-xemx. Il-ġmiel tal-Bażilika Ġorġjana, li din is-sena stajna ngawduha b’mod ġdid grazzi għall-illuminazzjoni fantastika li saret, frott il-ħidma bla qatt ma taqta’ ta’ Mons. Arċipriet Ġużeppi Farrugia u l-kollaboraturi tiegħu u l-ġenerozità bla qiegħ tal-parruċċani benefatturi, tispira l-ġmiel tal-liturġija solenni, dinjituża u stupenda li matulha tiġi esegwita mużika sagra li tinkludi l-kant Gregorjan, motetti polifoniċi, u kompożizzjonijiet ta’ l-aqwa żewġ kompożituri ta’ pajjiżna, Mons. Ġużeppi Farrugia u il-Prof. Joseph Vella, maestro di cappella. Il-liturġija li ssir matul il-ġimgħa tal-festa tiġbed folol kbar tan-nies tant li biex issib post fil-Knisja trid taħseb sew minn qabel. Dan il-fatt, pero’, xorta ma qatax qalb dawk il-ħafna li qagħdu bil-wieqfa matul il-funzjonijiet solenni, xhieda dawn li mhux veru li n-nies ma tersaqx lejn il-Knisja. Meta għandek funzjonijiet organizzati bl-aqwa mod possibbli, in-nies tiġi u kif! Il-Bażilika ta’ San Ġorġ hija depożitarja u kustodja tas-sbuħija. Il-mibki Papa Pawlu VI kien iqis is-sbuħija fl-arti bħala patrimonju insostitwibbli tal-Knisja Kattolika u fid-diskorsi tiegħu spiss kien itenni li l-Knisja ma tistax tabdika għall-missjoni tagħha bħala aġent primarju tal-kultura għolja fejn l-arti fid-diversi forom tagħha tispikka bi sbuħija li tesponi l-ispirtu uman għas-sbuħija oriġinarja, Alla l-Imbierek. Ċertament li l-Bażilika ta’ San Ġorġ qed tagħmel minn kollox sabiex twettaq din il-missjoni tassew “kattolika”. F’kull sens u f’kull qasam.

L-isem li tgawdi l-Bażilika ta’ San Ġorġ bħala aġent prinċipali ta’ arti u kultura nisranija hu rikonoxxut mhux biss f’pajjiżna iżda anke barra minn xtutna. Diġa’ semmejna l-livell għoli ferm tal-mużika sagra li ssir waqt iċ-ċelebrazzjonijiet, (u dan mhux biss fil-festa iżda matul is-sena kollha), mużika li hi element essenzjali fil-ġmiel tal-liturġija magħmulha bi skrupolożità lejn id-dettalji kollha. Tant hu rikonoxxut minn kulħadd dan il-fatt li ġurnalist ewlieni Kenneth Zammit Tabona fir-rubrika settimanali tiegħu ħeġġeġ lill-parroċċi ta’ Malta li jew jipprovaw isegwu l-eżempju tal-liturġija tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, jew isktu! Naħseb li hu l-każ ta’ EXEMPLAR NON IMITABILE! Barra minn dan, l-organizzaturi issa ilhom għaxar snin itellgħu dak li llum sar l-ikbar festival internazzjonali ta’ l-arti f’Malta, il-Victoria International Arts Festival, li dis-sena kien mifrux fuq medda ta’ ħames ġimgħat sħaħ u li matulu ġew esegwiti xogħlijiet ta’ ’l fuq minn 120 kompożitur differenti! U dan kollu jdur mal-festa ta’ San Ġorġ.

Altru hix festa ta’ poplu, l-festa ta’ San Ġorġ. Kif kien stqarr bla ħabi it-teżorier Tabone ’l fuq minn mitt sena ilu, “la piu’popolare del paese!” Tassew San Ġorġ m’għandux bżonn li tagħlaq il-ħlas tal-qbiela biex in-nies titla’ r-Rabat, jew li l-gvern ċentrali jorganizza l-wirja agrarja sabiex in-nies tiġi tammira mill-qrib in-ngħaġ u l-baqar, jew li l-gvernatur jħallas il-korsi tat-tlielaq tat-tiġrija biex id-dilettanti jersqu lejn iċ-ċentru tal-Belt Victoria, jew is-shutdowns u l-ferragosto biex il-bajjiet ta’ Marsalforn u x-Xlendi jimtlew bin-nies. U la darba qed nitkellmu fuq it-tiġrijiet, ta’ min ifaħħar id-deċiżjoni kuraġġjuża li ħadu d-diriġenti tas-Soċjetà La Stella, mseddqin mit-tmexxija ċentrali tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, sabiex għall-ewwel darba f’pajjiżna it-tiġrijiet tal-bhejjem jiġu organizzati wara nżul ix-xemx. Dawn saru għall-ewwel darba it-Tlieta 10 ta’ Lulju u kienu suċċess tremend, tant li ħasad lil kulħadd. Tassew li ta’ San Ġorġ ma jbatux biex jieħdu deċiżjonijiet kuraġġjużi, li mbagħad saru n-norma fil-festi l-oħra kollha ta’ pajjiżna. Kien ikun ferm aħjar kieku din il-kapaċità ta’ deċiżjonijiet kuraġġjużi anke jekk fil-bidu jidhru mhux popolari ma’ l-istess partitarji, tidher ukoll f’soċjetajiet u awtoritajiet varji.

Il-ġmiel ta’ ġol-Knisja kien reċiprokat mill-ġmiel tal-Belt Victoria tassew “in festa”. Festa ta’ lwien, armonija u proporzjon fl-iskultura, fid-drappijiet għonja, fil-mixgħela mirquma, fin-nar ta’ l-art u tal-ajru, fil-baned diversi. Hu ċertament punt ta’ riferiment, il-marċ grandjuż u singolari li jsir lejlet is-sollenita’ li jara uniti iż-żewġ baned ċittadini ewlenin ta’ Malta, il-King’s Own u La Stella. Tassew il-każ ta’ żewġ stilel il-kbar fil-firmament tal-kultura bandistika ta’ pajjiżna li jingħaqdu fi xmara ta’ nar li jdawwal li jkompli jqabbad il-qlub mħeġġa bi mħabba lejn il-Qaddis Patun u Difensur inkomparabbli ta’ pajjiżna. Jekk banda waħda minnhom biżżejjed hi sabiex mhux biss tiġbed l-għira tad-dilettanti, iżda sabiex tgħolli l-prestiġju ta’ kull festa, aħseb u ara t-tnejn flimkien x’ma jagħmlux. Din il-kollaborazzjoni fraterna, antika fiż-żmien iżda żagħżugħa fil-ħeġġa, hija mhux biss mudell ta’ teamwork bejn żewġ soċjetajiet mużikali prestiġjużi ewlenin, iżda wkoll tribut lejn il-lealtà li torbot l-Istilla tal-Belt Valletta ma’ l-Istilla tal-Belt Victoria. Ix-xmara tad-dilettanti tal-marċijiet, u mhux tal-karnivalati, li toħnoq it-Tiġrija, hija xhieda ta’ l-apprezzament ta’ poplu li jgawdi spettakli ta’ marċi ta’ din ix-xorta.

M’hemmx kliem isbaħ mill-kliem tal-poeta sabiex tiddeskrivi l-emozzjoni reliġjuża umana profonda li torbot bħal f’qatta’ waħda il-qlub hekk kif il-ġmiel ewlieni tal-vara ta’ San Ġorġ tixref fil-bieb prinċipali tal-Bażilika iddedikata lilu, “tistħajjel tisma’ tħabbat il-qalb nisranija ta’ pajjiżna, tistħajjel tilmaħ is-sema jitbewwes ma’ l-art”. Din l-istess emozzjoni qawwija tikkaratterizza il-Pontifikal Solenni li matulu tiġi esegwita il-Mass in D: Princeps Martyrum in honour of St George tal-Prof. Joseph Vella, li dis-sena barra mill-kor Laudate Pueri, il-kor tal-Bażilika, u l-orkestra (leader: Mario Bisazza), iffurmata mil-aqwa elementi ta’ pajjiżna, rat il-parteċipazzjoni ta’ solisti eċċezzjonali fil-persuna ta’ Miriam Cauchi (sopran), Antonino Interisano (tenur) u Carlos de Miranda (baritone) taħt id-direzzjoni tal-kompożitur innifsu. Tassew kienet il-Pontifikal tal-poplu, għax poplu sħiħ mela l-Bażilika: dan il-Pontifikal sar event reliġjuż nazzjonali non pareil.

Dawn kienu xi kwadretti mill-festa ta’ dis-sena, festa ta’ qalbna, festa li nġorruha f’qalbna fl-istennija ħerqana ta’ l-20 ta’ Lulju tas-sena li ġejja meta niċċelebraw il-50 anniversarju minn meta l-mibki Papa Piju XII għoġbu jilqa’ t-talba tal-maħbub Isqof Ġużeppi Pace u jgħolli l-Knisja ta’ l-Għawdxin, omm il-parroċċi ta’ Għawdex, għad-dinjità mistħoqqa ta’ Bażilika. Għad-dieħla!

(Artiklu li deher fil-ħarġa t’Awissu 2007, tar-rivista “ta’ l-iStilla”)