Join Us On:

News Archive

FESTA TA’ BRIJU

Il-Ħadd jum il-festa tal-patrun tad-djoċesi u ta’ beltna, hekk kif intemm il-pontifikal solenni mmexxi mill-Isqof tad-djoċesi u dekan tal-Kolleġġjata Ġorġjana Mons. Mario Grech, nagħta bidu għall-marċ il-kbir ta’ filgħodu – marċ uniku u magħruf għall-briju grandjuż. Il-marċ bis-sehem tal-baned ‘San Ġorġ’ ta’ Ħal-Qormi u ‘Stella Maris’ ta’ Sliema beda minn pjazza San Ġorġ u għadda lejn Pjazza Indipendenza fejn hemm folol kbar kien hemm jistennew spettaklu ieħor ta’ briju minna l-Ġorġjani. Matul il-ġimgħa kollha, il-briju ma naqasx. Kif jixhdu r-ritratti u anke dawk l-eluf li kienu preżenti, matul kull dimostrazzjoni u anke fil-marċ ta’ lejlet il-festa kienu karatterizzati minn briju kontinwu miż-żgħażagħ tagħna. Il-Ħadd filgħodu, dan ma kienx eċċezzjoni, anzi nistgħu ngħidu li dan l-ispettaklu ta’ briju kiber.

Atmosfera mill-aqwa, li tilqa’ flok li tgerrex lil dawk li jiġu biex isegwu, anzi ġġiegħel lil dawk preżenti biex jipparteċipaw ukoll magħna f’dan il-marċ grandjuż. Il-festa kollha kemm hi tilqgħek u mhux ta’ b’xejn li tul ġimgħa sħiħa ta’ ċelebrazzjonijiet kontinwi attendew folol kbar ta’ Għawdxin, Maltin u anke barranin. Bil-kulur aħmar jiddomina fil-pjazza ewlenija ta’ beltna, il-baned daqqew marċi mill-aktar popolari u fuq kollox ma naqasx li jindaqq għal ma nafx kemm-il darba l-innu “Ġorġi tagħna”, li anke min attenda l-ewwel darba għall-festa tagħna rnexxielu jitgħallem xi strofa minnu bl-amment! Tassew ċelebrazzjonijiet kbar – iva, ċelebrazzjonijiet li jagħmlu ġieħ lill-patrun tagħna u unur lis-Soċjetà Filarmonika ‘La Stella’ li torganizza l-festi esterni – ċelebrazzjonijiet fil-qalba ta’ beltna, neqsin minn inċidenti u oxxenitajiet li jagħmlu għajb, li sfortunatament għadna narawhom f’ċertu “festini”.

L-entużjażmu fuq wiċċ il-partitarji tagħna huwa frott l-imħabba li kull wieħed u waħda minna għandna lejn il-patrun tagħna San Ġorġ – entużjażmu li deher f’kull marċ organizzat matul il-ġimgħa kollha tal-festa, f’kull dimostrazzjoni u f’kull ċelebrazzjoni oħra marbuta ma’ dawn il-festi kbar Ġorġjani.

ritratti: Joe Attard

21/07/2008