FESTA SANTA ĊEĊILJA
Il-bieraħ, 25 ta’ Novembru 2022, l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, organizzat attività ġewwa l-gżira t’Għawdex biex tiċċelebra l-festa liturġika ta’ Santa Ċeċilja, patruna tal-mużiċisti. L-attività ta’ din is-sena saret bil-kollaborazzjoni tal-Banda Ċittadina La Stella u l-Bażilika ta’ Ġorġ, ġewwa l-Belt Victoria.
Fis-7.00pm saret quddiesa fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, immexxija mill-Arċipriet Joseph Curmi assistit mill-kleru tal-parroċċa. Għal quddiesa attendew rappreżentanti ta’ diversi baned Għawdxin u delegazzjoni mill-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, li ġew apposta minn Malta. L-istandardi tal-baned Għawdxin tpoġġew fil-korsija tal-bażilika matul il-quddiesa. Għall-okkażjoni tqassmet santa ta’ Santa Ċeċilja lil dawk preżenti.
Dritt wara, il-Banda Ċittadina La Stella għamlet marċ minn Pjazza San Ġorġ għal Triq ir-Repubblika sa quddiem il-każin La Stella bl-istatwa ta’ Santa Ċeċilja, xogħol Adonai Camilleri Cauchi, liema statwa tintuża fil-festa ta’ San Ġorġ. Matul il-servizz indaqqu diversi marċi festivi u fuq quddiem net imxew l-istandardi tal-baned Għawdxin li attendew: il-Banda Victory tax-Xagħra, Il-Banda Mnarja tan-Nadur, Il-Banda Santa Margerita ta’ Sannat, il-Banda Santa Marija taż-Żebbuġ, il-Banda San Girgor ta’ Kerċem, il-Banda San Ġużepp ta’ Għajnsielem u naturalment il-Banda Ċittadina La Stella. Fi tmiem il-marċ dawk preżenti kienu mistednin għal bibita flimkien ġewwa l-Każin La Stella.