Join Us On:

News Archive

FESTA ĠORĠJANA FIL-KANADA

Nhar is-Sibt 20 ta’ Settembru, ser tiġi ċċelebrata Festa Ġorġjana ġewwa Toronto, il-Kanada, mill-komunita’ Ġorġjana f’din il-belt. F’din l-okkażjoni ser tiġi inawgurata l-istatwa l-ġdida, kopja eżatta ta’ l-istatwa titulari ta’ San Ġorġ li nsibu fil-bażilika ta’ San Ġorġ f’beltna. Din l-istatwa l-ġdida li saret fuq inizzjattiva ta’ John G. Borg, ġiet imbierka fit-23 t’April 2007 fi pjazza San Ġorġ wara programm mużikali mill-banda ċittadina La Stella. 

Il-komunita Friends of La Stella Canada ħejjiet programm ta’ attivitajiet għal din l-okkażjoni. Is-Sibt 20 ta’ Settembru f’nofsinhar (ħin tal-Kanada) ser tiġi ċċelebrata quddiesa solenni fil-knisja St John Fisher fi Brampton Ontario, fl-okkażjoni ta’ l-inawgurazzjoni ta’ l-istatwa l-ġdida. Din il-quddiesa ser tkun iċċelebrata mill-Kan. Ġużeppi Borg u Dun George Borg. Filgħaxija mbagħad ser jiġi organizzat Grand Dinner Dance ġewwa s-St John’s Lithuanian Hall. F’din l-okkażjoni ser tieħu sehem ukoll il-Malta Band Club.

Għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ġew mistiedna numru ta’ bandisti tal-banda ċittadina La Stella li ser jiġu akkumpanjati minn familjari tagħhom u membri tal-kumitat tas-Soċ. Filar. La Stella. Il-bandisti ser jieħdu sehem f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet u ser jingħaqdu mal-Malta Band Club f’din il-festa Ġorġjana. Il-grupp Għawdxi ħalla pajjiżna dalgħodu u ser jirritorna lura nhar it-Tnejn 22 ta’ Settembru. Minn qalbna nawguraw festi mill-isbaħ lil ħutna l-emigranti Ġorġjani fil-Kanada. Għal aktar informazzjoni fuq dawn il-festi fil-Kanada wieħed jista’ jżur is-sit: www.lastellacanada.ca

12.09.2008