FESTA LITURĠIKA TA’ SAN ĠORĠ
L-Għodwa t-tajba ! Wara t-tridu ta’ San Ġorġ, li sar matul it-tlett ijiem li għaddew minn Mons. Ġużeppi Gauci, illum qed niċċelebraw Lejlet is-Solennità. Dalgħodu fl-10am se jsir marċ mill-Banda Ċittadina La Stella bis-sehem tal-Banda Santa Margerita ta’ Sannat, li jitlaq minn Pjazza San Ġorġ, idur id-dawra ż-żgħira u jispiċċa l-Każin La Stella. Matul id-dimostrazzjoni se toħroġ l-istatwa ta’ Vincenzo M Cremona, San Ġorġ Rebbieħ (1894) li din is-sena se nkunu qed nfakkru bil-kbir peress li għalqet 125 sena fostna. Ta’ min ifakkar li din kienet l-ewwel statwa tad-dimostrazzjoni f’Għawdex.
Illejla fit-7.40pm se jkun hemm il-ħruġ tal-istatwa titulari ta’ San Ġorġ fil-bieb tal-Bażilika, u Velja Solenni tal-Martirju ta’ San Ġorġ immexxija mill-Isqof Djoċesan fi Pjazza San Ġorġ. Għada, jum is-solennità, se jkun hemm konċelebrazzjoni Pontifikali mmexxija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex u Dekan tal-Kolleġġjata.
B’hekk ħa nkunu tajna bidu għall-festi speċjali ta’ din is-sena. Kif ġa imħabbar nhar il-Ħamis 2 ta’ Mejju se tiftaħ wirja ta’ livell għoli ħafna b’selezzjoni ta’ statwi ta’ Vincenzo Cremona fejn se jkunu esebiti wkoll statwi minn għaqdiet tal-armar oħra, fostom minn Għawdex kif ukoll minn Malta. Aktar dettalji f’dan il-link.
Viva San Ġorġ !