Join Us On:

News Archive

FESTA LITURĠIKA KIF JIXRAQ

Marċ tal-Festa Liturġika

Wara l-ikla ta’ San Ġorġ tal-Ħamis li għadda fil-Każin La Stella, li kienet suċċess kbir wara l-waqfa minħabba l-pandemija, il-bieraħ komplew l-attivitajiet tal-Festa Liturġika.

Is-Sibt filgħodu, sar marċ mill-Banda Santa Margerita ta’ Sannat, minn Pjazza San Ġorġ sal-Każin La Stella.  Il-marċ akkumpanja l-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ, kapulavur ta’ Vincenzo Cremona, fost il-briju u ċ-ċapċpip ta’ bosta partitarji u dawk kollha li inagħqdu magħna.  Il-Banda Santa Margerita daqqet bosta marċijiet mir-repertorju festiv u tal-festa tagħna, fostom l-innu marċ “Lill-Kbir Martri San Ġorġ” jew kif popolarment magħruf “Ġorġi Tagħna”.  Bla dubju,  tkun xi tkun il-ġurnata jew ikun x’ikun il-ħin, jekk San Ġorġ joħroġ fit-toroq ta’Beltna l-poplu se jkun hemm!

20220423_123341

Programm Mużikali

Filgħaxija imbagħad, il-Banda Ċittadina u Dekana La Stella, tellgħet kunċert kbir taħt id-direzzjoni tas-Surmast Dr John Galea.  Il-programm fetaħ bl-innu popolari “Lill-Kbir Martri San Ġorġ” biex mal-ewwel daħħalna f’atomsfera festiva kif inhu xieraq.  Wara kien imiss li tindaqq biċċa mużikali kompożizzjoni tas-Surmast Giuseppe Giardini Vella “Natale di Roma”.  Il-silta mużikali ta’ wara kienet “Les Pêcheurs de Perles” ta’ Georges Bizet, kompożizzjoni meraviljuża li l-banda tagħna eżegwiet tajjeb ħafna.  F’din il-biċċa kellna lis-solisti; Mario Galea fuq il-klarinett, Peter Cilia fuq il-kurunetta, Mario Attard fuq l-Alto Sax, Ino Attard fuq l-Baritone u Anton Sacco fuq l-Euphonium. Dritt wara kien xieraq li tindaqq biċċa mużika ta’ ex-Surmast ieħor, il-Professur Joseph Vella – “Fanfares for an Occasion”. Wara l-biċċa tal-Profs Vella kien imiss li tindaqq “Ad Astra!” kompożizzjoni tas-Surmast attwali Dr John Galea.  B’hekk il-banda tagħna daqqet kompożizzjonijiet mużikali tal-aħħar tlett surmastrijiet tagħha.  Ma hemmx dubju li l-arkivju mużikali tal-Banda Ċittadina La Stella huwa wieħed mill-aktar rikki li hawn.  Dan huwa attribwit ukoll għal fatt li magħha dejjem kellha surmastrijiet li kkomponew mużika mill-aqwa w allura kollha ħallew timbru importanti.

Il-programm tkompla billi indaqq l-innu l-kbir ta’ San Ġorġ “Inno al Glorioso Martire”, kompożizzjoni ta’ Giuseppe Giardini Vella kif kien xieraq f’dan il-jum tat-23 t’April.  Fl-aħħar nett il-programm għalaq bl-eżekuzzjoni tal-Innu tal-Banda, l-Innu ta’ Għawdex u l-Innu Malti.

Għal din is-serata onorawna bil-preżenza tagħhom, l-Onor. Clint Camilleri, Ministru għal Għawdex, is-Sindku tal-Belt Victoria Josef Schembri, l-Onor. Dr Alex Borg membru parlamentari, il-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella Michael Formosa, s-Segretarju Matthew Zammit, Charles Hili, membru fil-Kunsill tal-Belt Victoria u membri tal-kumitat. Is-serata kienet ippreżentata minn Andrea Camilleri.

Dan il-programm kien possibbli bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex u d-Direttorat għall-Wirt Kulturali.

_JMJ4193

_JMJ4221 _JMJ4236 _JMJ4225 _JMJ4237

(Ritratti: Joe Attard)

Il-Qofol taċ-Ċelebrazzjonijiet

Peress li din is-sena t-23 t’April ħabat fl-Ottava tal-Għid il-festa liturġika ġiet trasferita għal għada 25 t’April.  Intant illejla se ssir il-Velja tal-Martirju fi Pjazza San Ġorġ fit-8pm. Il-Pontifikal ta’għada se jkun immexxi mill-Isqof t’Għawdex u Dekan tal-Kolleġġjata Mons. Anton Teuma.  Inħeġġu l-partitarji biex jieħdu sehem f’dawn il-mumenti li ċertament huma l-qofol ta’ din il-Festa Liturġika.

Minn din il-paġna nawgurawlkom l-bqija tal-festa t’tajba !

278776205_4924613890980731_7237327952830792629_n