Join Us On:

News Archive

FESTA KOMPLUTA !

Il-bieraħ ġew fi tmiemhom il-festi ta’ San Ġorġ Martri tal-Belt Victoria, festa li nistgħu ngħidu hija festa ta’ mużika, festa ta’ briju, festa ta’ nar, festa ta’ talb lil San Ġorġ, festa solenni, festa ta’ ħbiberija bejn diversi nies minn ħafna parroċċi ta’ bliet u rħula Għawdxin u Maltin, insomma festa ta’ poplu kompluta minn kull aspett. L-unika dispjaċir huwa li t-temp ma ppermettiex li jintrema d-drapp kollu.  Nittamaw li s-sena d-dieħla tkun aħjar minn l-aħħar sentejn għax bix-xieraq li x-xogħol kollu li jkun sar matul is-sena għandu jitgawda f’din il-ġimgħa hekk importanti.

Nirringrazzjaw ‘l Alla li kollox għadda b’wiċċ il-ġid u li ma nqalgħu ebda problemi.  In-nies li rat beltna matul din il-ġimgħa ma kinux ftit.  Ibda minn nhar it-Tnejn li għadda sal-bieraħ, il-Ħadd, it-toroq tagħna laqgħu fihom ġemgħat kbar ta’ nies.  Dan naturalment jawgura tajjeb u huwa ta’ nkoraġġiment kbir għall-organizzaturi tal-festi esterni, ibda mill-amministrazzjoni tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, l-Għaqda tal-Armar, l-Għaqda taż-Żgħażagħ, il-kumitat organizzattiv tat-tiġrijiet taż-żwiemel, dawk li ħadu ħsieb il-fund-raising u l-organizzazzjoni tan-nar, u fl-aħħar u mhux l-anqas il-Banda Ċittadina La Stella, protagonista matul il-ġimgħa b’ servizzi kważi kuljum.  Tiltaqa’ ma’ ħafna nies li jgħidulek  li l-banda tagħna għandha marċi brijużi minn fost l-isbaħ li hawn fil-ġżejjer Maltin. Huwa fatt ukoll li l-briju li jkollna matul il-ġimgħa kollha sar karatteristika li tiddistingwi din il-festa.

Ma jistax jonqos li ngħidu prosit ukoll lill- Arċipriet Mons Joseph Curmi tal-preżenza tiegħu fil-maġġoranza tal-attivitajiet organizzati, anke dawk esterni.  Ta’ min isemmi lil dawk li taw l-għajnuna tagħhom fl-armar u t-tindif tal-Bażilika tagħna u lil dawk li kienu parti fl-aspetti liturġiċi kollha.  Kulħadd jirrikonoxxi li l-mużika sagra li tindaqq matul il-ġimgħa hija  tal-għola livell u dan grazzi wkoll għall-eżekuzzjoni mill-kor tal-parroċċa Laudate Pueri u l-Maestro di Cappella, il-Prof. Joseph Vella.

Fuq kollox grazzi lill-benefatturi u sostenituri tal-festa li mingħajr il-kontribut tagħhom l-festa ma tistax tkun kbira.  Il-festa tista tkun kbira biss jekk tibqa’ ssib l-għajnuna finanzjarja tagħkom.

Minn hawn nagħmlu appuntament għas-sena d-dieħla … bejn id-9 u l-15 ta’ Lulju 2018.

(Xi ritratti mill-facebook)