FESTA F’ĠIEĦ L-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI
Din il-ġimgħa tkun taħt il-lenti l-Knisja ta’ San Franġisk t’ Assisi fil-Belt Victoria, fejn tiġi ċċelebrata l-festa tant għażiża tal-Immakulata Kunċizzjoni.
Illum il-Ħadd beda t-Tridu Solenni, bil-priedka tal-Wisq Reverendu Patri Peter P. Cachia. Naturalment wara l-priedka kien hemm l-antifona u ċelebrazzjoni Ewkaristika. Dan il-programm jirrepeti ruħu matul il-jumejn ta’ wara fejn jasal fi tmiemu t-Tridu. L-Erbgħa mbagħad, vġili tas-Solennità, isir Pontifikal mill-Eċċ. Tiegħu Mons. Isqof Mario Grech akkumpanjat miż-żewġ arċiprieti tar-Rabat. Dan kollu jwassal biex nhar il-Ħamis, 8 ta’ Diċembru tiġi ċċelebrata l-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, solennità tat-tnissil bla tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija. Fid-9.30 am se jmexxi konċelebrazzjoni l-Wisq Reverendu Mons. Alfred Xuereb, Segretarju tal-Qdusija tiegħu l-Papa Benedettu XVI, fl-Istat tal-Vatikan. Wara l-qari tal-Vanġelu l-Wisq Reverendu Kanonku Dun Giovann Bosco Cremona jinseġ kuruna ta’ tifħir lil Alla ad unur l-Immakulata Kunċizzjoni. Iż-żewġ saċerdoti huma mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ.
Naturalment aħna bħala Soċjetà u parruċċani Ġorġjani nħossu ruħna fil-qrib ta’ din il-festa. Huwa fatt li r-rabtiet li hemm bejna u bejn il-kommunità Franġiskana imorru lura għal bosta snin. Ftit tal-ġimgħat ilu s-Soċjetà laqgħet bil-ferħ il-ħatra ta’ Patri Joe Xerri OFM Conv, bħala Gwardjan u Rettur ġdid. Kien ta’ pjaċir ukoll għas-Soċjetà meta dan l-aħħar delegazzjoni tal-kumitat tal-festi esterni tal-Kunċizzjoni ltaqa’ mad-diriġenti tas-Soċjetà fil-każin tagħna fejn saru taħditiet fuq temi varji. Appuntamenti bħal dan ikomplu jsaħħu r-rabtiet li hemm bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet.
Is-sehem ta’ bosta Ġorġjani ma jistax jonqos f’din il-festa, kemm f’dik interna kif ukoll dik esterna. Minbarra s-servizzi li l-banda tagħna jkollha lejlet u nhar il-festa, hemm ukoll is-servizz importanti tal-Wisq Reverendu Kanonku Ġorġ Frendo li flimkien mal-Kor Laudate Pueri se jkunu qed janimaw bil-kant tagħhom bosta mill-funzjonijiet tal-Knisja. Fil-festa se jkun hemm is-sehem ukoll tal-Kor Chorus Urbanus taħt id-direzzjoni tas-Surmast John Galea.
Bosta mill-funzjonijiet se jkunu wkoll trasmessi fuq Leħen il-Belt Victoria, ir-Radju tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ. Dwar is-servizzi tal-Banda nżommukom aġġornati fil-jiem li ġejjin.