Join Us On:

News Archive

FESTA 2011: AKTAR AĠĠORNAMENTI U RITRATTI

Illum ser inkomplu nwasslulkom aktar aġġornamenti u ritratti mill-festa ta’ San Ġorġ iċċelebrata f’beltna fit-tielet ġimgħa ta’ Lulju. F’dan l-aġġornament ser nagħtu ħarsa lejn il-ġurnata tas-Sibt, lejlet il-festa, ġurnata mimlija sew u mill-aktar impenjattiva għall-banda tagħna fejn daqqet fi tliet okkażjonijiet: filgħodu fil-marċ tat-Te Deum; fit-Translazzjoni solenni u fil-marċ singolari u popolari flimkien mal-banda ċittadina King’s Own tal-belt Valletta.

Il-marċ tat-Te Deum
Hekk kif intemm il-pontifikal solenni fil-bażilika mmexxi mill-Arċisqof Emeritu tad-djoċesi ta’ Malta Mons. Ġużeppi Mercieca, il-banda La Stella bdiet marċ qasir mill-pjazza li ntemm fil-każin La Stella. Wara l-marċ il-bandisti u l-membri tal-kumitat u sotto-kumitati u għaqdiet fi ħdan is-Soċjeta’ kienu mistiedna għar-riċeviment tal-festa fis-sala Giuseppe Giardini Vella. Għal dan ir-riċeviment attendew ukoll għadd ta’ mistednin distinti fosthom l-Onor. Ministru għal Għawdex Giovanna Debono; il-Membru Parlamentari l-Onor. Dr Justyne Caruana; is-Sindku Dr Samuel Azzopardi, kif ukoll l-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona u d-direttur spiritwali tas-Soċjeta’ Mons. Ġużeppi Farrugia. Waqt ir-riċeviment sar diskors tal-okkażjoni mis-Sur Paul Zammit, President tas-Soċjeta’ fejn wara li rringrazzja lil kull min għen u ħadem biex din il-festa setgħet kienet suċċess ħabbar li l-kumitat ġenerali għażel li jaħtar żewġ presidenti onorarji ġodda: is-Sur Dolindo Cassar u l-Avukat Joseph Grech, iż-żewġ predeċessuri tiegħu fit-tmexxija tas-Soċjeta’ La Stella. F’din l-okkażjoni wkoll ġiet mikxufa rħama li tfakkar it-tmenin sena mid-daqq għall-ewwel darba tal-innu A San Giorgio Martire ta’ Mro Giuseppe Giardini Vella. L-irħama nkixfet mill-pro neputija tas-surmast stess u mbierka minn Mons. Ġużeppi Farrugia. Din l-irħama saret fuq inizjattiva tas-Sur George Grech, president onorarju tas-Soċjeta’.

Marċ Singolari, feature u ħruq tan-nar tal-art fi Triq ir-Repubblika
Iċ-ċelebrazzjonijiet esterni ta’ lejlet il-festa filgħaxija bdew bi programm mużikali mill-banda ċittadina King’s Own taħt id-direzzjoni tas-surmast tagħha Mro Dr John Galea. Wara dan il-programm, il-banda La Stella sabet postha fuq l-istess planċier biex esegwiet l-innu immoratali A San Giorgio Martire bis-sehem ukoll tas-solisti u l-kor tas-Soċjeta’ taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella.  Wara l-esekuzzjoni ta’ dan l-innu, ġew imbierka sett ġdid ta’ timpani li ġew regalati lill-banda tagħna mill-kumitat tat-tiġrijiet tradizzjonali tal-bhejjem. Dawn ġew imbierka mill-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona fil-preżenza tal-president tas-Soċjeta’ is-sur Paul Zammit u s-sur Anton Farrugia f’isem il-kumitat tat-tiġrijiet tradizzjonali tal-bhejjem. Wara din iċ-ċerimonja beda l-marċ popolari ta’ lejlet il-festa li laħaq il-qofol tiegħu fi Triq ir-Repubblika quddiem folla inkredibbli, tant li ż-żewġ baned ma setgħu bl-ebda mod jimmarċjaw aktar ‘l isfel mill-każin La Stella fejn kien hemm il-ħsieb li jintemm il-marċ. Fi tmiem il-marċ, li kien akkumpanjat minn briju grandjuż intwera feature mill-isbaħ fuq skrin kbir armat apposta f’nofs Triq ir-Repubblika, dwar ir-rabta li hemm bejn is-Soċ. Filar. La Stella u l-festa ta’ San Ġorġ li s-Soċjeta’ ilha torganizza sa mill-1882. Wara dan l-ispettaklu, kien imiss spettaklu ieħor din id-darba ftit aktar ‘l isfel fi Triq ir-Repubblika – spettaklu ta’ logħob tan-nar tal-art, imtella’ mill-Għaqda tan-Nar San Ġorġ Martri – wirja mill-isbaħ li ġiet ferm apprezzata mill-folla kbira li ħonqot it-triq ewlenija ta’ beltna.

Fil-ġranet li ġejjin inkomplu nwasslulkom aktar aġġornamenti u ritratti, din id-darba mill-aħħar jum tal-festa, il-Ħadd 17 ta’ Lulju.

ritratti: Joe Attard