Join Us On:

News Archive

ŻEWĠ SERVIZZI OĦRA F’SAN LAWRENZ

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-banda La Stella kompliet għaddejja bl-impenji tagħha marbuta mal-istaġun tal-festi, b’żewġ servizzi lejlet u nhar il-festa f’San Lawrenz, biex hekk s’issa matul dan is-sajf il-banda għamlet xejn inqas minn disa’ servizzi f’seba’ festi differenti barra l-belt Victoria.

Is-servizz ta’ lejlet il-festa kien jikkonsisti f’marċ brijuż madwar it-toroq prinċipali tar-raħal u fi tmiem il-marċ il-banda sabet postha fuq il-planċier fejn hemm esegwiet l-innu l-kbir, kompożizzjoni tas-surmast Giardini Vella, taħt id-direzzjoni tas-surmast direttur il-Prof. Joseph Vella. L-għada l-Ħadd, il-banda bdiet b’marċ qasir qabel il-purċissjoni, biex imbagħad mal-ħruġ tal-purċissjoni daqqet l-innu l-kbir, u żewġ innijiet oħra, wieħed minnhom ġdid kompożizzjoni ta’ Joe Formosa b’arranġament għall-banda minn Dr John Galea. Il-banda taħt id-direzzjoni tal-assistent surmast tagħha, Mro Noel Beck, wara ħruġ il-purċissjoni esegwiet programm mużikali fejn esegwiet għadd ta’ siltiet mużikali li varjaw minn mużika popolari, mużika mid-dinja taċ-ċinema u kompożizzjonijiet lokali.

Il-banda, tkompli għaddejja f’dan l-istaġun ferm impenjattiv, b’servizz ieħor nhar is-Sibt li ġej fil-Qala’ fejn ser tagħmel marċ u programm mużikali fil-pjazza tar-raħal fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp.

Ikla ta’ ringrazzjament
Intant, illejla ġewwa ċ-ċentru parrokkjali tal-bażilika ta’ San Ġorġ, l-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona, ser jilqa’ lill-bandisti u l-membri tal-kumitat ġenerali u sotto-kumitati, għal ikla bħala radd il-ħajr għas-servizz kbir li s-Soċjeta’ u fuq kollox il-banda taw fil-jiem tal-festa ta’ San Ġorġ iċċelebrata ftit tal-ġimgħat ilu.