Join Us On:

News Archive

ŻEWĠ SERVIZZI OĦRA FIN-NADUR

Tul din il-ġimgħa, il-banda dekana kompliet iżżid mal-lista twila ta’ servizzi li kellha tul din is-sena, b’żewġ servizzi oħra fil-festa ta’ San Pietru u San Pawl iċċelebrata fir-raħal tan-Nadur. Fil-fatt il-banda ‘La Stella’ ġiet mistiedna mill-Għaqda Filarmonika Mnarja tan-Nadur biex tagħmel marċ brijuż flimkien mal-banda tal-lokal, il-Ħamis 26 ta’ Ġunju, fid-dimostrazzjoni li ntemmet fi Triq Diċembru Tlettax, u marċ ieħor brijuż lejlet il-festa, is-Sibt 28 ta’ Ġunju.

Il-marċ tal-Ħamis beda minn quddiem il-każin tal-banda ‘Mnarja’ u l-banda ‘La Stella’ flimkien mal-banda ‘Mnarja’ ħadu sehem f’dimostrazzjoni bi statwa ġdida ta’ San Pietru u San Pawl, maħduma mill-Għaqda ta’ l-Armar ta’ Triq Diċembru Tlettax, li ttellgħet fl-istess triq fil-lokal. Il-marċ għadda min-numru ta’ toroq ewlenin, għall-pjazza tar-raħal u mill-ġdid intemm bit-tlugħ ta’ l-istatwa fuq il-pedistall armat apposta fi Triq Diċembru Tlettax.

Il-marċ popolari ta’ lejlet il-festa ħadu sehem ukoll il-banda tagħna flimkien mal-banda ‘Mnarja’ u beda hekk kif intemm spettaklu kbir ta’ logħob tan-nar ta’ l-ajru. Il-marċ li għadda minn diversi toroq tar-raħal, intemm fil-pjazza ewlenija tal-lokal fejn kien hemm ukoll spettaklu ieħor din id-darba ta’ logħob tan-nar ta’ l-art. Fiż-żewġ okkażjonijiet iż-żewġ baned daqqew marċi brijużi mis-settijiet rispettivi tagħhom u lejn tmiem il-marċ il-baned ingħaqdu f’massed band fejn indaqqu numru ta’ marċi popolari mill-pinna ta’ A. Gatt, R. Pisani, J. I. Borg u J. Sammut fuq għażla tal-banda ‘Mnarja’. Bla dubju l-marċi ntemmu bid-daqq ta’ l-innu marċ ad unur San Pietru u San Pawl miktub minn Mro Vincenzo Ciappara.

Il-banda ‘Mnarja’ tirreċiproka dawn is-servizzi, b’żewġ servizzi oħra fil-festa ta’ San Ġorġ Martri. Il-banda ‘Mnarja’ ser tieħu sehem fid-dimostrazzjoni grandjuża bl-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ, il-Ġimgħa 18 ta’ Lulju, u ser tagħmel marċ u programm mużikali fi Pjazza Indipendenza nhar il-festa fl-20 ta’ Lulju waqt li tkun għaddejja l-purċissjoni.

Wara li l-banda ‘La Stella’ ħadet sehem fl-ewwel ħames festi ċċelebrati f’Għawdex, l-impenji li jmiss huma fil-ġimgħa tal-festa ta’ San Ġorġ Martri. L-ewwel servizz ikun it-Tlieta 15 ta’ Lulju fis-6.45pm b’marċ minn fejn il-knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb (Taċ-Ċawla) sa Pjazza San Ġorġ, qabel il-ħruġ ta’ l-istatwa titulari min-niċċa.

29/06/2008