Join Us On:

News Archive

ŻEWĠ SERVIZZI OĦRA FIN-NADUR

Fi tmiem din il-ġimgħa ġiet iċċelebrata l-festa ta’ San Pietru u San Pawl fir-raħal tan-Nadur. Minħabba l-fatt li fid-29 ta’ Ġunju l-gżejjer Maltin iċċelebraw għeluq is-sena Pawlina, jum il-festa ġie ċċelebrat nhar il-Ħadd 28 ta’ Ġunju. Il-banda La Stella għal darb’oħra ġiet mistiedna biex tagħmel żewġ servizzi f’din il-festa, wieħed il-Ħamis, it-tieni jum tat-tridu u l-ieħor lejlet il-festa. Fiż-żewġ okkażjonijiet il-banda kienet akkumpanjata mill-banda Mnarja tan-Nadur. 

Il-marċ tal-Ħamis, li mexa madwar it-toroq prinċipali tar-raħal, intemm bil-kbir fi Triq Diċembru 13,  bit-tlugħ tal-istatwa tal-Għoti tal-Missjoni lil San Pietru u San Pawl, quddiem il-każin tal-banda Mnarja. Il-marċ ta’ lejlet il-festa, beda hekk kif intemm spettaklu tal-logħob tan-nar li seta’ jitgawda tant tajjeb mill-inħawi tal-Ġebel l-aħmar. Għall-ħabta tal-10.30pm il-baned La Stella u Mnarja bdew marċ brijuż u popolari li ntemm fil-pjazza ewlenija tar-raħal fost briju kbir mill-partitarji Nadurin.

Il-banda Mnarja issa tirreċiproka dawn is-servizzi, b’żewġ servizzi oħra fil-festa ta’ San Ġorġ Martri. Il-banda tan-Nadur tkun mistiedna fid-dimostrazzjoni b’San Ġorġ Rebbieħ, nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Lulju, kif ukoll nhar il-festa fejn ser ittella’ programm mużikali fi pjazza San Ġorġ waqt il-purċissjoni. 

Intant għall-banda La Stella dawn kienu l-aħħar servizzi qabel il-lista twila ta’ servizzi marbuta mal-festa ta’ San Ġorġ f’beltna. Il-banda dekana s’issa għamlet xejn inqas minn seba’ servizzi fl-ewwel ħames festi ċċelebrati f’Għawdex. Is-servizzi fl-irħula Għawdxin ikomplu eżattament ġimgħa wara l-festa ta’ beltna, fejn il-banda tkun mistiedna ttella’ programm mużikali fil-festa ta’ Santa Margerita ta’ Sannat.