Join Us On:

News Archive

ŻEWĠ SERVIZZI OĦRA FIL-FONTANA

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-banda ċittadina La Stella kienet impenjata f’żewġ servizzi oħra fl-okkażjoni tal-festa tal-Qalb ta’ Ġesu’ fir-raħal tal-Fontana – raħal li huwa marbut sew mas-Soċjeta’ tagħna.

Għal sena l-banda ġiet mistiedna biex tagħti servizz lejlet il-festa u nhar il-festa. Is-servizz ta’ lejlet il-festa kien differenti mis-snin li għaddew, għaliex propju din is-sena l-banda tagħna ġiet mistiedna tagħmel marċ qasir u programm mużikali fil-pjazza. Il-marċ beda minn Triq tal-Għajn, ftit passi ‘l bogħod mill-pjazza tar-raħal. Imbagħad hekk kif il-banda waslet quddiem il-knisja parrokkjali, sabet postha fuq il-planċier armat u esegwiet programm mużikali taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella.

F’dan il-programm mużikali l-banda esegwiet numru ta’ siltiet li ntogħġbu ferm mill-udjenza preżenti. Il-programm fetaħ bis-silta The Band at the Opera b’selezzjoni ta’ diversi opri popolari fuq arranġament ta’ Joseph Compello. Is-siltiet l-oħra esegwiti kienu: Thriller ta’ Rod Temperton fuq arranġament ta’ Jay Bocook; Trumpet Tune ta’ Henry Purcell fuq arranġament ta’ J.R. Gillette; Baby Elephant Walk mill-film Hatari (1962) kompożizzjoni ta’ Henry Mancini; selezzjoni mill-film The Godfather ta’ Nino Rota; Dont Cry for me Argentina minn Evita kompożizzjoni ta’ A. L. Webber; Estudiantina – valz ta Emile Waldteufel. Il-banda għalqet dan il-programm billi esegwiet żewġ movimenti mill-Ballet Parisien ta’ Offenbach fuq arranġament għall-banda ta’ M. J. Isaac. Is-servizz intemm bid-daqq tal-innu l-kbir bis-sehem tal-kor tal-parroċċa u s-solisti.

L-għada l-Ħadd, jum il-festa, għall-ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija l-banda mill-ġdid sabet postha fuq il-planċier fejn laqgħet il-ħruġ devozzjonali ta’ l-istatwa artistika tal-Qalb ta’ Ġesu’ bid-daqq ta’ innu l-kbir. Eżattament wara, il-banda akkumpanjat il-purċissjoni bid-daqq ta’ marċi reliġjużi madwar it-toroq tal-Fontana, kif ukoll minn inħawi tal-belt Victoria li minnhom tgħaddi l-purċissjoni fosthom Pjazza San Franġisk, u Triq Vajrinġa. Il-banda temmet is-servizz tagħha bid-daqq ta’ l-innu marċ fi dħul il-purċissjoni, kompożizzjoni ta’ Mro Sunny Galea.