ŻEWĠ PROĠETTI LI QED JIRNEXXU TASSEW
L-attività fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika La Stella, kompliet għaddejja b’ritmu tajjeb, hekk kif matul il-ġimgħat li għaddew tmexxa l-proċess biex ġie ffurmat il-kumitat ġenerali li ser imexxi lis-Soċjetà matul is-sena li ġejja. Kull fergħa fi ħdan is-Soċjetà kompliet għaddejja bix-xogħol tagħha, hekk kif kull sezzjoni għandha pjan ta’ ħidma x’jitwettaq għal matul dawn ix-xhur li ġejjin.
Il-banda, tinsab għaddejja bil-preparazzjoni tagħha għall-impenji li għandha għal matul il-Ġimgħa Mqaddsa, u hekk kif jintemmu dawn l-impenji jibda x-xogħol fuq il-marċi brijużi tal-festa li jridu jiġu rrekordjati aktar ’il quddiem. L-istess jista’ jingħad għall-fergħat l-oħra b’mod partikolari dawk tal-armar u tan-nar li bħalissa jinsabu għaddejjin bil-ħidma tagħhom li tilħaq il-qofol tagħha fil-ġranet tal-festa ta’ San Ġorġ Martri ċċelebrata f’nofs ix-xahar ta’ Lulju.
Iżda l-ħidma tas-Soċjetà ma tieqafx hawn. Fil-ġimgħat li għaddew is-Soċjetà daħlet għal żewġ sfidi kbar; fejn kompliet tikber dejjem aktar. Fil-fatt l-introduzzjoni tal-akkademja taż-żfin u l-opera studio jidher li qed jirnexxu kif aħna lkoll xtaqna fil-bidu ta’ din l-esperjenza. Iva, ir-rispons li sibna huwa wieħed inkoraġġanti ferm. Kemm fl-akkademja taż-żfin immexxija mill-YADA; kif ukoll l-Opera Studio Teatru Astra ġibdu lejn darna numru kbir ta’ parteċipanti li għażlu li jidħlu għal din l-opportunità offruta lilhom għall-ewwel darba fi gżiritna mis-Soċjetà tagħna.
Jekk nitkellmu fuq l-Opera Studio Teatru Astra – dan huwa proġett ferm ambizzjuż li dħalna għalih bl-akbar serjetà u motivazzjoni – proġett li minbarra li jagħti opportunità unika lil żgħażagħ li jixtiequ jiżviluppaw it-talent tagħhom; qed ikompli jkabbar isem it-Teatru tagħna. Wara l-introduzzjoni ta’ dan il-proġett, it-Teatru Astra m’għadux biss teatru tal-opra, imma issa huwa wkoll akkademja mmexxija bl-aktar mod professjonali għall-kant operistiku.
Dan huwa dak li għaddejja minnu s-Soċjetà tagħna…ħidma kontinwa li għandha tkompli twassalna għal sfidi akbar fiż-żmien li ġej.