“EVVIVA OTELLO!”
“Evviva Otello! Evviva! Evviva! Evviva!” jgħajjtu ċ-Ċiprijoti hekk kif Otello jinżel minn fuq ix-xini tiegħu fl-ewwel att. It-Teatru Astra għandu tassew għax ikanta “evviva” wara s-suċċess tal-Ħamis li għadda u dak tal-bieraħ filgħaxija. L-opra kienet suċċess minn kull aspett tekniku kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-mużika u l-kant, fejn l-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Prof Joseph Vella, u kemm dik artistika li kienet fdata f’idejn Enrico Stinchelli.
Naturalment l-akbar ċertifikat ta’ suċċess huwa l-fiduċja li n-nies urew għal darb’ oħra fil-produzzjonijiet tat-Teatru Astra. Wara li s-sena l-oħra f’Madama Butterfly kellna ż-żewġ rappreżentazzjonijiet fully-booked, din is-sena f’Otello kellna l-Ħamis fully-booked, filwaqt li l-bieraħ kien għad baqa’ biss xi postijiet fil-balcony tat-Teatru mhux mixtrijin – prattikament kważi fully-booked ukoll ! Mhux hekk biss, imma wara li tħabbret l-opra tas-sena d-dieħla Nabucco ġa bdew deħlin l-bookings għaliha ! Dan huwa l-akbar sodisfazzjon għal dawk il-ħafna nies li jaħdmu bla heda biex l-opra fit-Teatru Astra tkun tista’ ssir.
Kif ġa semmejna dan is-suċċess huwa mertu ta’ ħafna nies, fosthom is-Surmast Prof Joseph Vella fid-direzzjoni mużikali, l-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta, li l-leader tagħha hija Marcelline Agius, u Enrico Stinchelli fid-direzzjoni artistika li kien assistit minn Ulduz Ashraf Gandomi u Antonella Zammit. Kif mistenni l-protagonisti kienu wkoll il-kantanti, fejn għal darb’ oħra t-Teatru rnexxielu jħallat kantanti kbar barranin bħal Badri Maisuradze fil-parti ta’Otello u Alessandro Paliaga fil-parti diffiċli ta’ Iago flimkien ma’ oħrajn tajbin ħafna li huma Maltin bħal Miriam Cauchi fil-parti ta’ Desdemona u Cliff Zammit Stevens fil-parti ta’ Cassio. Is-solisti l-oħrajn kienu Olga Sliepnova fil-parti ta’ Emilia, Bernard Anthony Busuttil fil-parti ta’ Roderigo, Franco de Grandis fil-parti ta’ Lodovico, Ken Scicluna fil-parti ta’ Montano, u Mario Portelli fil-parti ta’ Araldo.
Ma nistgħux ma nsemmux il-Kor tat-Teatru Astra li kien immexxi minn Dr Maria Frendo u Renzo Renzi, kif ukoll il-Kor tat-Tfal, immexxi minn Mariella Spiteri Cefai. Din is-sena kellna wkoll il-parteċipazzjoni tal-koreografa u prima ballerina Melanie Zammit li flimkien mal-ballerini tat-Teatru Astra ħolqu spettaklu kbir. Ix-xenografu Joseph Cauchi bħas-soltu saħħarna bil-livell artistiku tiegħu. Il-kostruzzjoni tal-istruttura tas-sett kienet fdata f’idejn Donald Micallef u Carmel Zammit assistiti minn Andrew Portelli u t-tim tagħhom. Parti mill-ispettaklu operistiku huwa wkoll frott il-ħidma ta’ dawk li jaħdmu fuq id-dawl u l-projections li kienu f’idejn George Zammit, Stefan Schiavone u Alex Magri. Prosit imur ukoll lill-kostumisti Manwel Grima, Ina Zammit u George Camilleri u l-ħafna għajjutanti tagħhom u lil dawk li ħadu ħsieb il-props fosthom David Camilleri u Miriam Attard. Ma rridux ninsew ukoll lill-extras kollha, kemm dawk irġiel, nisa, tfal, lill-backstage crew, il-banda li kellna ddoqq wara l-kwinti fit-tielet att, l-make-up artist Anne Marie Caruana u l-hairdresser Amanda Cachia. Il-flower arrangements li sebbħu l-foyer tat-Teatru Astra saru minn Miriam Attard u George Camilleri. Grazzi imur ukoll lil dawk li jieħdu ħsieb l-indafa tat-Teatru u lill-ushers li jkunu preżenti għaż-żewġt rappreżentazzjonijiet. Ir-rehearsal pianist tal-opra kien Christian Maggio.
It-tim li jipproduċi opra hekk kbira jmur lil hinn mill-konfini tal-palk, u mingħajr il-kontribut ta’ dawn l-opra xorta ma tkunx tista’ ssir. Fost dawn ir-rwoli ‘moħbija’ hemm naturalment il-kumitat ta’ Festival Mediterranea li c-chairman tiegħu huwa Michael Formosa, u liema kumitat ikun ilu minn ħafna xhur qabel jippjana, dawk li jieħdu ħsieb il-bookings, affarijiet loġistiċi, trasport, refreshments, pubbliċità, librett tal-opra, siti elettroniċi, ritratti u filmati. L-opra ma ssirx ukoll mingħajr l-għajnuna finanzjara ta’ ħafna entitajiet u organizzazzjonijiet li lejhom aħna rikonoxxenti ferm.
L-impenn ta’ dawn kollha, li fil-maġġoranza assoluta tagħhom huma kollha voluntiera, jagħti riżultat eċċellenti. Bla ebda dubju dan kollu jawgura tajjeb ferm għall-opra li jmiss fl-2014 … Nabucco ta’ Giuseppe Verdi
(Ritratti: Joe Attard)