Join Us On:

News Archive

ESPERJENZA MILL-ISBAĦ F’CORFU

Kif semmejna l-ġimgħa li għaddiet, grupp ta’ bandisti u allievi żgħażagħ, flimkien ma’ xi membri tal-kumitat u anke xi familjari ħallew Malta għal mawra ta’ ħamest ijiem fil-gżira ta’ Corfu. Il-grupp ta’ għoxrin persuna ħalla Malta tard l-Erbgħa 10 ta’ Settembru u rritorna lura Malta kmieni t-Tnejn 15 ta’ Settembru. F’din il-mawra qasira l-grupp żar diversi postijiet ta’ interess u ta’ divertiment fosthom Aqualand, il-bliet ta’ Igumenitza u Ioannina fil-Greċja, il-gżira ta’ Paxos, il-belt ta’ Parga, kif ukoll iċ-ċentru ta’ Corfu. Il-grupp kien jinsab f’lukanda ċentrali fil-belt ta’ Gouvia. Kienu bla dubju ħamest ijiem mill-isbaħ – esperjenza ferm pożittiva li kompliet tgħaqqad dan in-nukleu sabiħ ta’ bandisti żgħażagħ li għandna fi ħdan il-banda tagħna – esperjenza li mhu ser tintesa qatt minn l-ebda membru li kien preżenti. Dawn kienu s-sentimenti ta’ diversi membri tal-grupp, fi triqithom lura lejn Malta, fejn minn hemm bdew jippjanaw biex sena oħra tiġi organizzata mawra oħra simili f’xi pajjiż ieħor fl-Ewropa.

Din il-mawra ġiet organizzata u ssussidjata mis-Soċ. Filar. La Stella bħala apprezzament għall-impenn kbir u eżemplari li dawn iż-żgħażagħ taw b’risq il-banda tagħna fix-xhur li għaddew. Il-grupp li kien jinkludi tnax-il bandist, tliet allievi, u xi familjari kien immexxi mill-President tas-Soċjetà Dr Joseph Grech, il-viċi president Paul Zammit u t-teżorier George Cini. Din hija waħda min-numru ta’ inizzjattivi li qed jiġi attwati mis-Soċjeta tagħna b’risq iż-żgħażagħ u bil-għan li jħeġġu aktar element żgħażugħ fil-banda La Stella. Iż-żgħażagħ dejjem kellhom post fundamentali fis-Soċjetà La Stella, u għalhekk irridu nkomplu naħdmu biex inkabbru dan l-element li bla dubju ser iżomm ħajja aktar minn qatt qabel lis-Soċjetà Filarmonika La Stella.

19/09/2008