Join Us On:

News Archive

ESIBIZZJONI DWAR IL-FESTA TAL-MADONNA TAN-NIĊĊA

Aktar kmieni llejla, fit-Teatru Astra Cultural Hub, ġiet inawgurata wirja interessanti dwar il-festa tal-Madonna ta’ Loreto, jew kif popolarment kienet magħrufa il-Madonna tan-Niċċa. Din il-festa kienet baqgħet issir sas-snin tmenin u tiġi organizzata fl-akkwati taċ-Ċawla jew aktar preċiż fit-tarf ta’ Triq Għajn Qatet. Din in-niċċa hija waħda antika u għandha storja interessanti ħafna.

Fis-sittinijet kienet saret statwa tal-Madonna ta’ Loreto mill-istatwarju il-Kav. Agostino Camilleri, liema statwa wara kienet tinħareġ f’purċissjoni. Il-pedestall tagħha huwa xogħol tas-Sur Raymond Zammit. F’dawk is-snin il-festa kienet tkun kompluta bil-logħob tan-nar kif ukoll kien ikun hemm xi baned mistiedna, fosthom il-Banda Ċittadina La Stella.

Matul is-serata tal-inawgurazzjoni sezzjoni mill-Banda Ċittadina La Stella daqqet żewġ innijiet iddedikati lill-Madonna ta’ Loreto, wieħed tas-Surmast Joseph Bezzina u ieħor tas-Surmast Angelo Pace. Waqt l-inawgurazzjoni saru indirizzi qosra mill-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, s-Sur Michael Formosa, is-Sindku tal-Belt Victoria s-Sur Brian Azzopardi u l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar l-Onor Clint Camilleri. Is-serata kienet ippreżentata mis-Sur Christian Debono li wassal ukoll informazzjoni dwar l-istorja ta’ din in-niċċa u l-festa tagħha. Il-Banda Ċittadina La Stella, li kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Dr John Galea, għalqel l-avveniment bid-daqq tal-Ave Maria.

Nistiednu lid-dilettanti ta’ din il-festa jaslu wasla sal-Każin La Stella biex jaraw din il-wirja interessanti.

Din is-serata kienet possibbli bl-għajnuna tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u entitajiet oħra.