Join Us On:

News Archive

ERĠAJNA BDEJNA

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fir-raħal tal-Munxar ġiet iċċelebrata l-ewwel festa tas-Sajf, f’ġieħ San Pawl. Proprju f’jum il-festa, il-Ħadd 29 ta’ Mejju, il-banda ċittadina La Stella fetħet l-impenji numerużi tagħha fl-istaġun tal-festi 2011.

Is-servizz beda b’marċ qasir qabel il-ħruġ tal-purċissjoni, u mbagħad hekk kif il-banda waslet fil-pjazza ewlenija tar-raħal sabet postha fuq il-palk u esegwiet l-innu l-kbir ad unur San Pawl, kompożizzjoni tal-Professur Joseph Vella, bis-sehem ukoll tal-kor tal-parroċċa. Wara l-ħruġ tal-purċissjoni, il-banda taħt id-direzzjoni tal-assistent surmast tagħha Mro Noel Beck, fl-assenza tas-surmast il-Prof. Joseph Vella, esegwiet programm mużikali varjat. Fost is-siltiet li ġew esegwiti kellna: kompożizzjoni tal-ex assistent surmast Sunny Galea, Calypso Symphony; l-arranġament mill-isbaħ ta’ Glenn Osser, Italian Festival; silta mill-film Titanic: My Heart will go on; highlights minn film ieħor The Da Vinci Code; il-marcia popolari Inglesina; u l-kompożizzjoni ta’ De Haan, Free World Fantasy. 

Fil-jiem li ġejjin il-banda għandha żewġ impenji oħra. L-ewwel wieħed, għada l-Ġimgħa 3 ta’ Ġunju, fil-ftuħ tal-avveniment annwali Lejlet Lapsi, b’marċ brijuż madwar it-toroq tal-belt Victoria, marċ li jibda fit-8.30pm; u ġimgħa wara fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali tal-belt Victoria, programm mużikali fi pjazza Indipendenza fit-8.00pm, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Belt Victoria.