Join Us On:

News Archive

EPIC SOUNDTRACKS – A MASSED BAND TRIBUTE TO FILM

Minn kellu x-xorti jattendi għal kunċert mużikali nhar is-Sibt 22 ta’ Novembru fit-Teatru Astra ħareġ sodisfatt mhux bi ftit. Dan għaliex, kien kunċert uniku li qatt ma’ rajna bħalu fi gżiritna. Il-Baned Cittadini ta’ Malta u Għawdex, King’s Own tal-Belt Valletta u La Stella tal-Belt Victoria, ingħaqdu f’banda waħda ta’ 100 mużiċist u tellgħu kunċert mużikali mill-aqwa. Din kienet l-ewwel darba fl-istorja li xi waħda miż-żewġ baned li hemm fil-Belt Valletta ingħaqdet f’banda waħda ma’ banda oħra Maltija sabiex ittellgħa kunċert mużikali. Il-programm li kien iġib l-isem Epic Sountracks – A massed band tribute to film, u kien jikkonsisti f’għażla vasta ta’ l-isbaħ mużika mill-films taċ-ċinema. Ġie esegwit b’reqqa u eżattezza kbira taħt id-direzzjoni mużikali tas-surmast direttur taż-żewġ baned Mro. Dr.John Galea. Minkejja li t-temp ma’ kienx wisq favorevoli, n-nies xorta attendew bi ħġarhom.

L-ewwel darba li l-banda King’s Own daqqet f’Għawdex kien fis-sena 1877, meta kienet mistiedna tipparteċipa fil-festa ta’ San Ġorġ fil-Belt Victoria. Il-banda La Stella daqqet għall-ewwel darba fil-festa ta’ San Duminku tal-Belt Valletta fl-4 t’Awissu 1888 meta esegwiet kunċert mużikali fi Pjazza Regina taħt id-direzzjoni tas-surmast Giuseppe Borg. Minn dakinhar nibtet ħbiberija ta’ kważi 150 sena. Il-banda King’s Own kienet bdiet tiġi mistiedna ta’ sikwit sabiex tieħu sehem  fil-festa ta’ San Ġorġ. Tul is-snin tant kienet bdiet tingħoġob, li minn wara it-tieni gwerra dinjija, din il-banda bdiet tiġi ta’ kull sena iddoqq fil-festa ta’ San Ġorġ. Mhux biss kienet tiġi iddoqq lejliet il-festa, iżda kienet iddoqq ukoll marċ brijuż nhar il-festa filgħodu.

Hemm diversi affarijiet komuni bejn il-baned King’s Own u La Stella. Fil-bidu, l-isem tal-banda King’s Own kien La Nazionale Vincitrice u ta’ La Stella kien La Stella Vincitrice. Iż-żewġ baned kienu minn dejjem magħrufa bħala Ta’ L’Istilla. Mro. Giuseppe Borg kien l-ewwel surmast tal-banda King’s Own u wkoll wieħed mill-ewwel surmastrijiet tal-banda La Stella. Mro. Gaetano Grech surmast tal-banda King’s Own lejn l-aħħar tas-seklu dsatax, kien ftit wara surmast tal-banda La Stella. Mro.Alfred Hare kien surmast tal-banda King’s Own u wkoll ftit snin wara, kien surmast tal-banda La Stella, li magħha dam għall-numru twil ta’ snin sa l-ewwel kwart tas-seklu għoxrin. Finalment, din il-ħbiberija storika issiġillat ruħa meta is-Surmast Dr.John Galea, li kien ilu jidderieġi il-banda King’s Own mis-sena 2003, ġie appuntat surmast direttur tal-Soċjeta’ La Stella fl-2018.

L-ewwel silta fil-programm kienet is-suite sinfoniku tal-film ta’ Walt Disney Pirates of the Caribbean: The Curse of the black pearl (2003). Din kienet medley li kienet tinkludi temi mill-film bħal: The medallion calls, The black pearl, To the pirate’s cave, One last shot u He’s a pirate. Dan kien film dwar storja mimlija fantasiji fuq il-piraterija. Il-film tant kien suċċess li ġie żviluppat f’sensiela sabiex warajħ saru erbgħa oħra bħalu. Il-mużika ta’ Klaus Badelt kienet mill-iktar emozzjonali u mżejna b’ritmi magħġġla. Kien imiss The Gladiator (2000). Dan kien film bi storja li sseħħ fis-sena 180 wara Kristu. Film dwar il-battalji tal-armata Rumana mat-tribujiet Ġermaniżi u l-ġlied brutali tal-gladjaturi fil-kolossew ta’ Ruma fiż-żmien l-imperatur Marcus Aurelius. Il-mużika, kompożizzjoni tal-maghruf Hans Zimmer, kien fiha temi bħal: The battle, Earth u Barbarian horde. Il-mużika ta’ The battle uta’ Barbarian Horde kienet tant effettiva, li minn semagħha ħassu kważi qiegħed veru f’nofs il-battalja. Segwiet silta minn Troy (2004), film ambjentat fis-sena 1184 qabel Kristu b’mużika ta’ James Horner. Il-film hu dwar storja fil-Ġreċja ta’ żmien l-antik; dwar belt antika Troy (li l-lum tinsab f’sit arkeoloġiku fit-Turkija), li skont il-leġġenda tal-poeta Ġrieg Homer, kienet ġiet maħkuma mill-armata Ġriega. Fil-mużika ta’ Horner, jispikkaw il-ħsejjes qawwija fuq l-istrumenti tar-ram waqt il-battalji kif ukoll il-mużika delikata f’mumenti mill-iktar kwieta.

The Ten Commandments (1956) u Ben Hur (1959) huma x’aktarx l-iktar żewġ films li għamlu l-iktar suċċess fid-dinja. Dari id-distibuzzjoni tal-films kienet differenti mill-lum. Tant domna nistennew ir-run tagħhom għaddeja fl-Amerika u fl-Ewropa, li The Ten Commandments spiċċa biex intwera għall-ewwel darba f’Malta fl-1961 u Ben Hur fl-1962. L-ewwel li indaqqet fil-programm kienet l-overture ta’ Ben Hur,  kompożizzjoni ta’ Miklos Rozsa. Overture mill-iktar impressjonanti, bi ftuħ qawwi u b’akkordji dissonanti fuq is-sezzjoni kollha tal-brass. Wara, smajna l-overture ta’ The Ten Commandments, kompożizzjoni ta’ Elmer Bernstein. Dan il-film fih mużika mill-iktar romantika b’orkestrazzjoni rikka u mimlija kuluri. Dawn iż-żewġ films kienu tassew kolossali, b’tul ta’ iktar minn tlett sigħat u nofs kull wieħed. Kienu films tal-era ċinematografika magħrufa bħala The Golden age, meta iċ-ċinema kien l-iktar popolari fl-istorja u il-produzzjonijiet kienu l-iktar lussużi u grandjużi.

Il-programm segwa għal stil differenti. Kien imiss l-overture ta’ Where Eagles Dare (1968) kompożizzjoni ta’ Ron Goodwin; film ibbażat fuq storja fl-aħħar gwerra dinjija li isseħħ fl-inħawi muntanjużi tal-Bavarja. L-overture għandha mużika mill-isbah, b’sezzjonijiet tal-banda jimitaw lil xulxin fi stil ta’ Fuga mużikali. The best of James Bond kienet is-silta li kien imiss. Din kienet selezzjoni tal-films ta’ Bond. Tiftah bil-James Bond theme kompożizzjoni ta’ John Barry u wara smajna mużika mill-films Goldfinger (1964), Skyfal (2012) u Live and let die (1973). Wara, il-programm kompla bil-mużika tal-film The Prince of Egypt (1998). Dan kien musical animat dwar l-istorja ta’ Mose fl-Eġittu, b’kanzunetti komposti minn Stephen Schwartz u orkestrazzjoni ta’ Hans Zimmer. Is-silta tiftaħ b’melodija ta’ dieqa fuq it-tumbetta sola. Din kienet interpretata tajjeb minn Robert Buttigieg. Is-siltiet kienu Deliver us, Through Heaven’s Eyes u When you believe. In-numru mużikali li kien imiss kien mill-mużika tal-film Jurassic World: Fallen Kingdom (2018). Dan kien il-ħames film mis-sensiela Jurassic Park. Kellu storja fittizja u avventuruża dwar id-dinosawri. Il-mużika kienet ta’ Michael Giacchino. Mill-pinna tal-kompożitur Hans Zimmer smajna l-isbaħ temi mill-film The Da Vinci Code (2006): thriller misterjuż li siltiet minnu ġie iffilmjat Malta. Is-siltiet kienu Kyrie for the Magdalene u Chevaliers De Sangral.

Game of Thrones hi sensiela ta’ films għat televiżjoni li intweriet bejn is-snin 2010 u 2016. Il-film fih storja fittizja ta’ fantasija maġika ambjentata fi żmienijiet medjevali li tinkludi battalji bix-xwabel u l-vleġeġ. Il-mużika ta’ Ramin Djawadi fiha mumenti misterjużi kif ukoll oħrajn ritmiċi. Midnight Express (1978) huwa film dwar storja vera li ġrat f’Istanbul, it-Turkija f’Ottubru ta’ 1970. Storja li isseħħ ġewwa ħabs fejn priġunier Amerikan jirnexxilu jaħrab wara ħames snin ta’ priġunerija mill-iktar kiefra. It-tema mużikali tal-film li smajna hija ta’ Giorgio Moroder. Il-film rebaħ sensiela ta’ awards fosthom għall-aqwa score tas-sena 1979. Dawn iż-żewġ films ta’ l-aħħar ġew miġbuda ġewwa Malta.

Wieħed mill-aqwa kompożitur ċinematografiku ta’ l-aħħar 50 sena huwa bla dubju John Williams. X’aktarx li n-numru ta’ film scores li kiteb u il-kwalita’ u l-livell mużikali tagħhom jaqbeż lil kull kompożitur ieħor li kien hawn sa issa. Mill-pinna ta’ John Williams il-banda daqqet selezzjoni li kienet tinkludi temi mill-films E.T. The Extra-Terrestial (1982), Star Wars (1977), u Jaws (1975). L-aħħar silta fil-programm kienet Parade of the Charioteers mużika ta’ Miklos Rozsa mill-film Ben Hur. Din hija fanfarra mill-iktar trionfali. Fil-film tindaqq waqt il-parata li l-ġerrejja għamlu fil-korsa taż-żwiemel eżatt qabel it-tiġrija.

Bla dubju, dan kien kunċert storiku mill-isbaħ li ħa jibqa’ jissemma għal ħafna snin. Kien jirrekjedi ħafna ppjanar, ko-ordinazzjoni u loġistika mill-iktar intensiva. Kien tassew suċċess, mertu tas-Surmast u l-mużiċisti taż-żewġ Soċjetajiet, kif ukoll tal-Presidenti tas-Soċjeta’ Filarmonika La Stella Michael Formosa u l-President tas-Soċjeta Filarmonika King’s Own Ivan Piccinino, flimkien mad-delegati u l-kumitati rispettivi tagħhom. Ħajr lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, lid-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdanu w għas-sostenn kontinwu tagħhom, kif ukoll lis-Soċjeta’ Muzikali Santa Margerita Ta’ Sannat u lill-Gozo Visual and Performing Arts School għall-għajnuna li pprovdew. Fl-egħluq indaqqu l-innijiet uffiċjali taż-żewġ baned, Omaggio alla King’s Own ta’ Francesco Gobet u Inno La Stella ta’ Giuseppe Giardini Vella.

(Ritratti: Joe Attard)