EPIC SOUNDTRACK – PROGRAMM MUŻIKALI MILL-BANDA ĊITTADINA LA STELLA U L-BAND KING’S OWN
Kien proprju fl-1877 li l-Banda Ċittadina King’s Own tal-Belt Valletta, dakinhar magħrufa bħala La Vincitrice Nazionale, ħadet sehem għall-ewwel darba fil-festa ta’ San Ġorġ Martri fil-Belt Victoria, u dan għamlitu fuq stedina tal-Parroċċa Ġorġjana. Minn dakinhar ‘l hawn l-isem tal-King’s Own sar sinonimu mal-Festa ta’ San Ġorġ. Dan peress li meta s-Soċjeta’ Filarmonika La Stella ħadet f’idejha b’mod uffiċjali l-festi esterni ta’ San Ġorġ bdiet tistieden ta’ kull sena lill-Filarmonika King’s Own biex tagħti s-sehem distint tagħha. Tul dan iż-żmien kollu tnisslet ħbiberija storika bejn iż-żewġ baned ‘Tal-Istilla’ tal-ibliet kapitali ta’ Malta u ta’ Għawdex. Din ir-rabta kompliet tissaħħaħ fl-2018 meta Dr John Galea ġie maħtur Surmast Direttur tal-Banda La Stella, wara li kien ilu mill-2003 jidderieġi l-Banda King’s Own ukoll.
Biex ifakkru iktar minn 145 sena ta’ rabta, iż-żewġ baned se jingħaqdu għal programm uniku li se jsir taħt id-direzzjoni ta’ Mro Dr John Galea bit-tema “Epic Soundtracks”, li jinkludi għażla ta’ mużika minn films leġġendarji li affaxxinaw lill-udjenzi tul il-ġenerazzjonijiet fosthom xogħlijiet minn kompożituri rinomati bħal Hans Zimmer, John Williams, James Horner, u Elmer Bernstein, fost l-oħrajn. Vjaġġ mużikali li jqanqal l-emozzjonijiet permezz tal-melodiji ta’ Hollywood; minn battalji epiċi u missjonijiet erojċi sa’ films moderni ta’ tensjoni u fantasija, migjuba bis-sahha kongunta taż-żewġ baned komposti minn total ta’ 95 mużiċist, f’armonija unika.
Dan l-avveniment m’huwiex biss ċelebrazzjoni mużikali, iżda wkoll simbolu ta’ għaqda u wirt kulturali, li jirrifletti snin ta’ kollaborazzjoni u rispett reċiproku bejn iż-żewġ baned. Serata ta’ melodiji indimentikabbli, emozzjoni ċinematika, u storja kondiviża.
Il-programm se jsir nhar is-Sibt 22 ta’ Novembru fit-8:00pm. Biljetti jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit teatruastra.org.mt
Dan il-programm se jkun ikkumplimentat minn wirja bit-titlu Rabta Storika, li se tfakkar 145 sena u iktar ta’ ħbiberija bejn iż-żewġ soċjetajiet. Ritratti, trofej u dokumenti antiki se jkunu esebiti f’din il-wirja, li se tkun inawgurata nhar is-Sibt 22 ta’ Novembru fis-7:00 ta’ filgħaxija u tibqa’ miftuħa kuljum sal-Ħadd 30 ta’ Novembru, bejn id-9.00 u nofsinhar, kif ukoll mill-5:00 sat-8:00 ta’ filgħaxija.



