ĊELEBRAZZJONIJIET KBAR FI PJAZZA SAVINA
Żgur li ħadd ma stenna li d-dimostrazzjoni tat-tieni jum tat-tridu fuq rotta ġdida u bi statwa ġdida kienet ser tkun daqshekk suċċess. In-numru kbir ta’ persuni li għal darb’oħra ngħaqdu magħna u l-għexieren ta’ żgħażagħ li ħanqu pjazza Savina bil-briju tagħhom huma xhieda ta’ dan. Id-dimostrazzjoni – it-tielet waħda f’din il-festa, bdiet fid-9.30pm minn Pjazza San Ġorġ, bis-sehem tal-banda ‘Santa Katarina’ taż-Żurrieq u l-banda ‘Santa Marija’ taż-Żebbuġ.
L-istatwa l-ġdida bit-tema, San Ġorġ Patrun t’Għawdex, waslet fi Pjazza Indipendenza għall-ħabta tal-ħdax, u ġiet milqugħa bid-daqq ta’ l-innu marċ fost briju kbir minn dawk kollha preżenti. Din l-istatwa mill-isbaħ, li x-xogħol fuqha kien għadu għaddej sa tard il-bieraħ, fiha tliet persunaġġi: San Ġorġ fuq id-dragun bil-lanza b’salib fuqha, li jissimbolizza r-rebħa ta’ Kristu fuq l-għadu tal-fidi; figura ta’ mara, li simbolikament tirraffigura il-patrunaġġ ta’ San Ġorġ fuq l-gżira tat-tliet għoljiet; il-Gvernatur De Cordoba, kavallier benefattur tal-Knisja Proto-Parrokkjali ta’ gżiritna, li fost l-oħrajn bena t-tempju ddedikat lil San Ġorġ u żejnu bil-pittura ta’ Preti. Din hi biċċa xogħol ta’ l-istatwarji Għawdxin Michael u ibnu Adonai Camilleri Cauchi.
Id-dimostrazzjoni kompliet għaddejja sa Pjazza Savina fejn hemm il-folla preżenti li ħanqet Pjazza Savina, ngħaqdet fi briju kontinwu hekk kif l-istatwa l-ġdida bdiet issib postha fuq il-pedistall armar fil-qalba ta’ din il-pjazza. Fi tmiem id-dimostrazzjoni, kellna wkoll spettaklu sabiħ ta’ logħob tan-nar ta’ l-art fl-istess pjazza.
Fuq wiċċ kulħadd, b’mod speċjali l-membri fl-għaqda ta’ l-armar, deher dak is-sodisfazzjon – sodisfazzjon għal ċelebrazzjoni gradjuża u unika li rnexxielna nagħmlu fil-ġurnata tal-Ħamis. Tassew kienu ċelebrazzjonijiet sbieħ li jixirqu lill-festa tagħna, u li jagħmlu l-festa tagħna waħda unika u oriġinali. Ħbieb, dan għadu biss il-Ħamis!!
18/07/2008
Ritratti: Joe Attard ©