Join Us On:

News Archive

EJJEW NAGĦMLU FESTA!!

Fi ftit jiem oħra nagħtu bidu għall-festi kbar li ta’ kull sena niċċelebraw f’gieħ San Ġorġ Martri. L-entużjażmu Ġorġjan diġà jinħass sewwa u dan jixhduh saħansitra l-pjazez u t-triqat ewlenin ta’ din il-belt bit-tiżjin ta’ l-armar li diġà beda jsebbaħhom u jfawwarhom bil-preżenza tiegħu, armar li m’hemmx dubju sar l-għira ta’ kull għaqda tal-festi Maltin u Għawdxin. Għaldaqstant grazzi mill-qalb lill-grupp ta’ l-armar li nafu kemm jaħdem u jistinka matul is-sena kollha sabiex dak li għandna ngħożżuh filwaqt li jitkomplew u jiżdiedu aktar proġetti ġodda li jżejnu l-belt Victoria.

Fuq kollox, imma, tingħaqad ma’ dan il-ferħ u l-entużjażmu, il-Banda Ċittadina Dekana “La Stella” li b’tant sagrifiċċji u mpenn liema bħalu tagħti servizz wara l-ieħor matul dawn il-festi Ġorġjani, servizzi li jgħollu bil-bosta din il-manifestazzjoni kbira ġo beltna. Ta’ min isemmi s-sett ġdid ta’ marċi li dalwaqt joħorġu fuq CD u Cassette bl-isem ta’ “George, The Martyr Saint”, sett ta’ marċi mill-aqwa, li żgur kull dilettant tal-marċi popolari għandu jakkwista kopja. Nixtiequ nieħdu l-okkażjoni sabiex insellmu lill-kumitat, lill-bandisti u mijiet ta’ membri attivi fi ħdan is-Soċjetà “La Stella”, li dawn, mimlija b’dedikazzjoni u kultant b’ħafna sagrifiċċji personali jpoġġu t-talenti, il-ħin u l-enerġiji tagħhom għas-servizz tas-Soċjetà “La Stella” sabiex kuljum tkompli tikber u tissaħħaħ.

Imma fuq kollox il-ħeġġa tagħna lkoll għal waqt dawn il-festi kbar u ewlenin li resqin lejna, tmur fuq quddiem nett lejn San Ġorġ, il-Patrun tagħna. Ejjew flimkien nattendu għal dak kollu mħejji għalina fil-Bażilika Ġorġjana, tant servizzi reliġjużi, talb, riflessjoni, u mużika sagra.

Finalment minn din ir-rubrika nitolbu sabiex San Ġorġ ikun l-veru ferħ u ispirazzjoni tagħna. Ejjew inħallu lil San Ġorġ jiggwidana f’ħajjitna. Ejjew niftakru li qegħdin niċċelebraw festa lill-qaddis Ġorġi tagħna, li l-imġiba tagħna matul il-festa tkun wahda tabilħaqq denja, festa mimlija mħabba, festa eżemplari…festa mudell għall-festi kollha.

Ejjew nagħmlu festa!!