Join Us On:

News Archive

EDIZZJONI OĦRA TA’ ROCKASTRA

Nhar is-Sibt li għadda saret is-seba’ edizzjoni ta’ RockAstra, wara waqfa ta’ sentejn minħabba l-pandemija tal-Covid 19.  Il-kunċert għal darba oħra kien suċċess kbir b’attendenza sabiħa ħafna li mliet Pjazza Indipendenza ġewwa l-Belt Victoria.

Għal dan il-kunċert ġew mistiedna bosta kantanti stabbiliti, uħud l-ewwel darba, filwaqt li oħrajn diġa ħadu sehem f’edizzjonijiet oħra. Il-Banda Ċittadina La Stella kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Sigmund Mifsud li għal darba oħra għamel għażliet mużikali, prinċiparjament ta’ natura ‘rock’  li huma popolari ferm ma’ dan il-ġeneru mużikali.  Il-kantanti mistiedna kienu Chris Grech, Tiziana, Mikaela,  Dorothy Bezzina, Denise Mercieca, Franklin u naturalment il-Kor Piccole Stelle tat-Teatru Astra, li kien taħt id-direzzjoni ta’ Ms Sylvana Attard.  Xi wħud mis-siltiet li ġew esegwiti waqt il-kunċert jinkludu biċċiet popolari bħal Somebody to Love, Yellow, Eye of the Tiger, TNT, medley tal-Kiss, Jump u oħrajn.

Irridu nroddu ħajr lill-bandisti u mużiċisti mistiedna għal fuq il- keyboards, drums, base u kitarra, li għamlu numru kbir ta’ provi biex tellgħu dan il-kunċert, lis-Surmast Mifsud u lill-amministrazzjoni li għal darba oħra daħlu għal din l-isfida. Dan il-kunċert kien jifforma parti mill-programm Gozo Rocks and Pops Festival imtella’ mill-Ministeru għal Għawdex, id-Direttorat għall-Wirt Kulturali, u l-Kunsill tal-Belt Victoria. Il-programm kien jifforma parti wkoll miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Belt Victoria u kien possibbli wkoll minħabba l-għajnuna ta’diversi ażjendi privati oħra, b’mod speċjali l-management ta’ The Astra Bistro-Lounge-Bar.

(Ritratti Joe Attard)