Join Us On:

News Archive

DUN FELIĊ “MONSINJUR”

Is-Soċjetà Filarmonika La Stella trid tkun l-ewwel waħda li tifraħ lill-Kan. Felix Tabone, vigarju parrokkjali ta’ San Ġorġ, fil-ħatra tiegħu bħala Cappellano di Sua Santità bit-titlu ta’ Monsinjur. Id-digriet tal-ħatra ngħata lill-Kan. Tabone waqt ċerimonja li nżammet dal-għodu fil-kurja veskovili ta’ Għawdex. 
 
In-nomina għal dan il-ġieħ pontifiċju talabha l-isqof ta’ Għawdex, l-E.T. Mons. Mario Grech, aktar kmieni din is-sena, b’rikonoxximent għall-ħidma kbira li Dun Feliċ, kif kulħadd jafu, wettaq matul dawn l-aħħar tletin sena bħala vigarju parrokkjali ta’ San Ġorġ.
 
Felix Tabone ġie ordnat saċerdot nhar il-Ħamis, 14 ta’ Lulju 1978, mill-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Ermenegildo Florit, fil-bażilika ta’ San Ġorġ, flimkien ma’ Ġużeppi Farrugia, il-lum arċipriet emeritu tal-parroċċa Ġorġjana, u Giovanni Bosco Cremona, il-lum rettur tal-knisja tal-Madonna tal-Karmnu fix-Xlendi. Iċċelebra l-ewwel quddiesa solenni tiegħu fl-istess bażilika ġimagħtejn wara. Sena waħda biss fuq l-Ordinazzjoni Presbiterali, huwa ġie assenjat il-kariga ta’ vigarju parrokkjali fil-parroċċa ta’ San Ġorġ, liema kariga għadu jħaddan sal-lum b’żelu liema bħalu. Fl-1982, Dun Feliċ ġie maħtur bħala kanonku tal-kolleġġjata urbana. Fiċ-ċelebrazzjonijiet straordinarji ta’ l-1700 sena mill-martirju ta’ San Ġorġ, fl-2003, huwa ċċelebra l-Ġublew Presbiterali tal-Fidda flimkien ma’ l-arċipriet Farrugia u l-Kan. Cremona.
 
Flimkien mal-Kan. Tabone, kien hemm saċerdoti oħrajn, il-biċċa l-kbira mill-parroċċa tagħna, li ngħataw dan l-unur.  Il-Kan. George Bezzina, eks-kappillan tal-parroċċa tal-Fontana, huwa wieħed minnhom. Barra minn dawn, l-arċipriet tal-bażilika ta’ San Ġorġ, Mons. Pawlu Cardona, irċieva d-digriet tal-ħatra tiegħu bħala Prelato d’Onore di Sua Santità, titlu li ngħatalu fil-kapaċità tiegħu ta’ arċipriet ta’ San Ġorġ. Bħala dinjitarji ġodda tal-kolleġġjata Lateranensi, il-Kan. Carmelo Grech u l-Kan. Saver Calleja, dal-għodu ġie ppreżentat lilhom id-digriet tal-ħatra tagħhom bħala Cappellani di Sua Santità bit-titlu ta’ Monsinjur li huwa assoċjat mad-dinjità kapitulari tagħhom.
 
Is-Soċjetà Filarmonika La Stella, li isimha u isem il-parroċċa Ġorġjana jfissru l-istess, u li qalbha Ġorġjana tħabbat ma’ dik tal-Parroċċa ta’ Għawdex, tifraħ mill-qalb lil dawn is-saċerdoti, u tawguralhom ad altiora!