DOLCE NOTTE ! QUANTE STELLE !
"Dolce Notte ! Quante Stelle !" kliem Madama Butterfly għadu jidwi f’widnejna wara r-rapreżentazzjoni stupenda tal-bieraħ, it-tieni waħda fi tlett ijiem. Is-serata tal-Ħamis li għadda u tal-bieraħ filgħaxija se jibqgħu mnaqqxa fl-istorja tat-Teatru Astra. Ġojjell ieħor mal-katina ta’ suċċessi li s-Soċjetà għamlet matul iż-żminijiet.
Id-domanda tan-nies biex jattendu għall-opra ta’ din is-sena kienet waħda kbira mmens biż-żewġ rappreżentazzjonijiet t-Teatru mimli daqs bajda. In-nies baqgħu jippruvaw jixtru t-tickets sa filgħaxija stess u dan minkejja li avżajna kullimkien li konna fully booked. Ta’ dan aħna nixtiequ ngħidu "grazzi" tas-sapport għax huwa dan li jagħmlilna kuraġġ għall-futur, biex nibgħu nissieltu ħalli ntejbu dejjem aktar il-prodott tagħna.
Imma "grazzi" imur lejn dawk kollha li ħadu sehem, speċjalment lill-voluntiera li ilhom diversi jiem prattikament jgħixu t-Teatru Astra. Grazzi lill-kantanti internazzjonali kollha li kellna magħna, lil dawk lokali, lill-kor tat-Teatru Astra, tax-xenografija, tal-orkestra, l-backstage staff, lil tal-kostumi u lil dawk li jgħinuhom, tad-dwal, tal-public relations, booking office, l-extras, lid-direttur mużikali u dak artistiku u l-assistenti tagħhom u l-amministrazzjoni tas-Soċjetà u l-Festival Mediterranea 2012, li bidu aħjar minhekk ma setax ikollu.
Intant illejla fl-Awla Monsinjur Giuseppe Farrugia, Bażilika ta’ San Ġorġ għandna kunċert vokali bil-parteċipazzjoni tal-mezzo sopran Oana Andra. Il-kunċert jibda fit-8 pm u d-dħul huwa b’xejn.
(Ir-ritratti huma kollha tal-fotografu Joe Attard)