Join Us On:

News Archive

DIN IL-ĠIMGĦA…

Hekk kif kull ma jmur qed noqorbu aktar lejn il-qofol tal-istaġun tal-Milied, il-każin tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, li huwa t-tielet dar, wara dik privata u dik li hi l-parroċċa ta’ San Ġorġ, ta’ ħafna u ħafna żgħażagħ li jiffrekwentawh ta’ kuljum, jinsab liebes il-libsa tal-Milied. Id-direzzjoni tal-każin, bil-għajnuna ta’ dawn l-istess żgħażagħ, f’din l-aħħar ġimgħa lestiet id-dekorazzjonijiet tal-Milied fil-fojer, permezz ta’ għadd ta’ girlandi rikki u dwal ipetptu. 

Bil-għajnuna taż-żgħażagħ tagħna tlesta wkoll il-presepju tal-Milied, li jirrappreżenta l-ġrajja li seħħet ‘il fuq minn elfejn sena ilu ġewwa Betlem.  Dan il-presepju mdaqqas, magħmul minn ġebel li tradizzjonalment huwa assoċjat mal-presepji tal-Milied, huwa mgħammar b’pasturi antiki tat-tafal. 

U ż-żgħażagħ tagħna raw li dan il-presepju jkun lest fil-ħin sabiex ilbieraħ, is-Sibt 12 ta’ Diċembru, fit-Teatru Astra ttellgħet is-serata tant mistennija minn kulħadd, Jingle Balls, The ZOO Christmas Show, quddiem udjenza li, kif kien mistenni, mliet kull rokna tas-sala. Tħares ‘il fejn tħares u tħares lejn min tħares, waqt din ix-show, ma tarax ħlief ħluq imċarrta, li jirriflettu l-umoriżmu kontinwu li ġabu magħhom l-isketches li ħejjiet il-kumpanija ZOO. Huwa ta’ sodisfazzjon kbir tara dak l-għadd kbir ta’ nies ħerġin mill-każin tagħna ferħanin u sodisfatti, għax wara kollox is-sodisfazzjon tal-udjenzi li jattendu għall-attivitajiet fil-każin huwa l-istess sodisfazzjon tas-Soċjetà. Diġa tħabbar li se ssir show kbira oħra ta’ ZOO għall-ħabta ta’ April li ġej.

Il-Ħadd, 13 ta’ Diċembru, btala pubblika, il-kumitat u l-bandisti tas-Soċjetà Filarmonika La Stella kienu l-mistiedna speċjali ta’ Patri Ġorġ Attard, gwardjan tal-patrijiet Franġiskani konventwali tal-belt Victoria, għall-ikla ta’ nofsinhar, li saret ġewwa ristorant f’Marsalforn b’apprezzament għas-servizz diżinteressat li l-banda La Stella tat fil-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni il-ġimgħa li għaddiet. Fi tmiem l-ikla, li għaliha, flimkien mal-bandisti u l-membri tal-kumitat tas-Soċjetà, attendew dawk kollha li b’xi mod jew ieħor taw l-għajnuna tagħhom b’risq il-festa, il-Gwardjan esprima l-gratitudni mill-qalb tiegħu lejn il-banda La Stella u fakkar fir-rabta intima li minn dejjem kienet teżisti bejn is-Soċjeta’ La Stella u l-festa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni. 

Din hija stampa ċara ta’ dak li għaddiet minnu s-Soċjeta’ f’dawn l-aħħar jiem. Iżda ma dan kollu hemm ħafna, ħafna aktar xogħol li qed jiġi mwettaq, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-banda, bil-kunċerti preparatorji kull nhar ta’ Ħadd filgħodu, u anke mill-entitajiet li s-Soċjeta’ għandha fi ħdanha, b’mod partikulari s-sezzjoni tat-tombla li ħejjiet premjijiet kbar għal-logħob tat-tombla ta’ kull nhar ta’ Ħadd filgħaxija fil-każin, f’dan l-istaġun tal-Milied. Iżda aktar tagħrif dwar dan nistgħu niżvelawh lilkom aktar ‘il quddiem.