Join Us On:

News Archive

DIMOSTRAZZJONI TRIJONFALI FIL-QALBA TAL-BELT

Il-bieraħ kien imiss it-tielet u l-aħħar jum tat-tridu, li wassalna wkoll għar-raba’ u l-aħħar dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ, (1894, xogħol ta’ Vincenzo Cremona) l-ewwel statwa għall-festi ta’ barra f’Għawdex. Id-dimostrazzjoni laħqet il-qofol tagħha fi pjazza Indipendenza, bit-tlugħ ta’ l-istatwa fuq il-pedistall għoli li jiddomina din il-pjazza, ferm rikka fl-armar tagħha.

Għad-dimostrazzjoni tal-bieraħ ħadu sehem il-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’ flimkien mal-banda ‘Mnarja’ tan-Nadur. Iż-żewġ baned ingħaqdu flimkien fi Triq ir-Repubblika, fejn indaqqu numru ta’ marċi mill-aktar popolari li ħolqu briju grandjuż f’din it-triq prinċipali ta’ beltna. Għal darb’oħra kien hemm attendenza mill-aqwa li ħanqet triq ir-Repubblika u Pjazza Indipendenza. Dan huwa fatt magħruf: il-festa ta’ San Ġorġ qed tiġbed numru kbir ta’ nies, u jum wara jum l-attendenza dejjem kompliet tikber. Il-festa ta’ San Ġorġ, l-aktar festa popolari tal-gżira, tattira ħafna nies għax hija festa mimlija b’kull element, festa unika li tibqa’ tikber sena wara sena. Dan mhux aħna ngħiduh, imma dawk il-Maltin u barranin li jingħaqdu magħna ta’ kull sena f’dawn il-festi kbar f’Lulju.

Intant il-bieraħ kellna wkoll mistiedna lill-banda ‘San Ġużepp’ t’Għajnsielem, li għamlet marċ brijuż minn triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ, fejn hemm esegwiet programm mużikali taħt id-direzzjoni tas-surmast Sunny Galea. Wara t-tlugħ trijonfali ta’ l-istatwa fuq il-pedistall tagħha, assistejna għal spettaklu kbir ta’ logħob tan-nar ta’ l-art fi pjazza Savina.

Il-festi l-kbar f’ġieħ San Ġorġ Martri jkomplu fil-jumejn li ġejjin. Illejla jkollna l-marċ singolari u popolari mill-baned ċittadini ‘La Stella’ u ‘King’s Own’, segwit minn spettaklu ieħor ta’ logħob tan-nar fi Pjazza San Franġisk. Għada mbagħad fi tmiem il-pontifikal solenni mmexxi mill-Isqof t’Għawdex, ikollna l-marċ il-kbir tal-filgħodu bis-sehem tal-baned ‘San Ġorġ’ ta’ Ħal-Qormi u ‘Stella Maris’ ta’ Sliema. Filgħaxija mbagħad naslu għall-aktar parti importanti tal-festa tagħna li hija l-purċissjoni bl-istatwa kapulavur ta’ Pietru Pawl Azzopardi, l-ewwel statwa titulari fi gżiritna. Il-purċissjoni tkun segwita minn marċ brijuż mill-banda tagħna li jagħlaq dawn il-festi mill-aktar popolari f’ġieħ il-kbir tal-Martri San Ġorġ patrun u protettur ta’ l-Għawdxin.

Ritratti: Joe Attard

19/07/2008