Join Us On:

News Archive

DIMOSTRAZZJONI OĦRA GRANDJUŻA

Il-bieraħ komplew il-festi kbar f’beltna f’ġieħ il-kbir patrun tagħna San Ġorġ, fejn mat-tmiem tat-tridu solenni saret ir-raba’ dimostrazzjoni din id-darba bl-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ, l-ewwel statwa għall-festi esterni f’Għawdex. Bħall-ġranet  l-oħra kollha tal-festa, din id-dimostrazzjoni ġibdet folol kbar lejn beltna – dimostrazzjoni li kienet ikkaratterizzata minn briju kontinwu b’mod speċjali fi Triq ir-Repubblika fejn hemm indaqqu marċi popolari u brijużi mill-baned La Stella u Mnarja tan-Nadur, li din is-sena wkoll ġiet mistiedna biex tieħu sehem f’din id-dimostrazzjoni grandjuża. L-istess banda terġa’ tkun fostna għada waqt il-purċissjoni fejn ser tagħmel marċ brijuż u wara tesegwixxi programm mużikali fi Pjazza San Ġorġ. Id-dimostrazzjoni laħqet il-qofol tagħha fi pjazza Indipendenza, fejn fost id-daqq ta’ l-innijiet: Dejjem f’Qalbna tal-Prof. Joseph Vella u l-innu popolari Lill-Kbir Martri San Ġorġ  ta’ Vincenzo Ciappara, ittellgħet l-istatwa artistika ta’ San Ġorġ Rebbieħ fuq il-pedistall għoli li jiddomina din il-pjazza.

Illum qed inkomplu ntellgħu aktar ritratti mid-dimostrazzjoni tal-bieraħ, grazzi għall-fotografu Joe Attard li matul il-ġimgħa kollha għaddielna settijiet mill-isbaħ ta’ ritratti mill-festa ta’ din is-sena. Dan is-sit ikompli jaġġorna l-għada tal-festa b’artikli relatati maċ-ċelebrazzjonijiet kbar ta’ lejlet il-festa u ovvjament nhar il-festa, akkumpanjati b’numru sabiħ ieħor ta’ ritratti.

Minn din il-paġna nixtiequ minn qalbna nawguraw il-festa t-tajba lil dawk kollha li b’mod regolari żaru din il-websajt, u kienu magħna anke jekk mhux fiżikament matul dawn il-jiem ta’ festi kbar f’ġieħ il-protettur tal-gżira Għawdxija San Ġorġ. Insellmu b’mod partikulari lil ħutna l-emigranti Ġorġjani li huma f’qalbna b’mod speċjali f’dawn il-ġranet tas-sena, u anke lil dawk il-persuni l-oħra li għal xi raġunijiet ma setgħux igawdu l-festa mit-toroq u l-pjazez tal-belt tagħna. 

L-appuntament tagħna għal nhar it-Tnejn, l-għada tal-festa, b’aktar u aktar aġġornamenti.

IL-FESTA T-TAJBA LILL-ĠORĠJANI KOLLHA