DIMOSTRAZZJONI GRANDJUŻA FIL-QALBA TA’ BELTNA
Għat-tielet jum konsekuttiv, beltna reġgħet kienet miżgħuda b’eluf ta’ nies, li ġew biex jaqsmu magħna l-ferħ, fil-festa ad unur il-Patrun ta’ gżiritna San Ġorġ Martri. Wara li ntemm it-tielet u l-aħħar Tridu solenni fil-maqdes Ġorġjan, fejn għal darb’oħra spikkat l-imħabba tal-predikatur żagħżugħ Fr. Geoffrey George Attard, lejn San Ġorġ martri, filgħaxija bdiet it-tielet u l-aħħar dimostrazzjoni b’San Ġorġ Rebbieħ. Għall-festi esterni tal-bieraħ, ħadu sehem tliet baned, il-banda “Mnarja”, il-banda “San Ġużepp” u bla dubju l-banda ċittadina “La Stella”. Fid-9.00pm beda marċ minn triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ mill-banda “San Ġużepp” ta’ Għajnsielem, li mbagħad esegwiet Programm mużikali fi Pjazza San Ġorġ taħt id-direzzjoni ta’ Mro Sunny Galea. Hekk kif daħlet fil-pjazza din il-banda, il-banda tagħna tat bidu għad-dimostrazzjoni bid-daqq ta’ l-Innu “La Stella” u l-Innu “Lill-Kbir Martri San Ġorġ”.
Il-banda “La Stella” għal darb’oħra daqqet is-sett ġdid ta’ marċi għall-festa ta’ din is-sena. Hekk kif id-dimostrazzjoni waslet fi Pjazza Savina, ngħaqdet mal-banda tagħna, il-banda “Mnarja” tan-Nadur. Hekk kif kienu ser idoqqu nofs il-lejl, id-dimostrazzjoni daħlet fi Triq ir-Repubblika, li kif jixhdu r-ritratti kienet fgata bin-nies. F’dan il-mument iż-żewġ baned ingħaqdu f’ ‘massed band’, fejn daqqew uħud mill-aktar marċi popolari fosthom, l-innu “Ġorġi tagħna”, il-marċ “Forza Ġorġjani”, “Pascalino” u diversi marċ oħra fost il-briju u l-kant taż-żgħażagħ u l-poplu Ġorġjan. Dan il-ġest jixhed ir-relazzjoni ferm tajba bejn iż¬-żewġ soċjetajiet mużikali. Il-baned bil-kemm setgħu jimmarċjaw bir-rassa tan-nies. Dan jixhed il-popolarità ta’ din il-festa. Kellu raġun min fil-passat stqarr li l-festa tagħna hija l-aktar waħda popolari fi gżiritna. Dan id-diskors għadu jgħodd sal-ġurnata tal-lum, għax kulħadd baqa’ mistgħaġeb b’dak li rnexxielu jsegwi u jara f’dawn il-jiem ta’ festa Ġorġjana. Fi Triq ir-Repubblika stajna wkoll napprezzaw il-logħob tan-nar ta’ l-ajru sparat minn fuq il-Każin “La Stella” li kompla sebbaħ dawn iċ-ċelebrazzjoniijiet. Għall-ħabta tas-siegħa ta’filgħodu, l-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ, xogħol ta’ Vincenzo Cremona, l-ewwel statwa għall-festi esterni fi gżiritna, ġiet imtella’ fuq il-pedistall fi Pjazza Indipendenza, fost id-daqq ta’ l-innu “Dejjem F’qalbna” kompożizzjoni ta’ Mro Vella u kliem tal-Kan. Joe Meilaq, u fuq kollox l-Innu “Ġorġi tagħna”.
Tassew kienu mumenti mill-isbaħ, dawk tal-bieraħ. Festa verament eżemplari, festa li ċċelebrajnieha fil-qalba ta’ beltna, fejn b’xorti tajba wkoll jinsabu kemm il-każin “La Stella” kif ukoll il-bażilika tagħna. Festa Ġorġjana per eccellenza!
ritratti: Joe Attard