‘DEAR NOBODY’ FIT-TEATRU ASTRA
Għal darba oħra, t-Teatru Astra qed ikun dar għal min irid jippreżenta l-ispettaklu tieħu. Il-grupp teatrali Għawdxi jorganizza regolarment produzzjonijiet esperimentali, u proprju fil-ġranet li ġejjin il-GCTC (Gozo Creative Theatre Club) sajtella’ biċċa xogħol oħra innovattiva. Dear Nobody hija produzzjoni drammatika adattata mill-ktieb ta’ Berlie Doherty.
Dan il-ktieb, li kaxkar diversi premijiet, jeżamina d-diffikultajiet u l-emozzjonijiet ta’ żewġ adoloxxenti, Helen u Chris, li jsibu ruħhom jaffaċċjaw diffikultajiet kbar peress li Helen tiskopri li f’ġufha hemm bidu ta’ ħajja: sitwazzjoni li qatt ma kienu qed jistennewha. Ir-relazzjoni tagħhom sa jirnexxielha tissupera din it-tensjoni kollha? Il-familji tagħhom ikomplu jżidu mal-piż, u ż–żewġ adoloxxenti, li jinsabu fuq l-għatba taż–żgħożija,jitgħallmu jaffaċċjaw iċ-ċirkustanzi l-ġodda. Biex tgħin lilha nfisha ttaffi l-biża’, ir-rabja u anki x-xokk li sassir omm fil-fjur taż–żgħożija, Helen tikteb diversi ittri lit-tarbija f’ġufha li hija ssejħilha Nobody. Aktar ma t-tarbija tikber fil-ġuf, aktar Helen tħossha komda tindirizza lil din il-ħajja fil-bidu tagħha.
Dear Nobody hija wirja ta’ diversi karatterisitiċi li niltaqgħu magħhom f’numru ta’ novelli li huma mmirati lejn il-ġenerazzjonijiet iż–żgħar. Din il-produzzjoni m’hix biss esebizzjoni tad-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom it-tfajliet–ommijiet, imma hija wkoll gallerija ta’ diversi reazzjonijiet ta’ karattri differenti li kollha b’xi mod huma relatati mat-tfajla–omm. It-tqala ta’ Helen tqajjem diversi kontroversji: il-moralità sesswali, l-illeġittimità,iż-zwieġ, id-divorzju, l-abort u l-adozzjoni.
Id-direttur artistiku George Mizzi qed jidderieġi grupp ta’ atturi li ilhom jaħdmu flimkien sa mill-2002. Ħafna minn dawn iż–żgħażagħ għadhom kemm kisbu ċertifikati bl-ogħla unuri mill-Akkademja Ingliża tal-Mużika u l-Arti (LAMDA). Dan il-grupp mimli b’enerġija żagħżugħa huwa magħruf sewwa għall-produzzjonijiet tiegħu, li dejjem issib fihom element ta’ innovattività. Produzzjonijiet oħrajn li rajnihom taħt l-istess direzzjoni kienu:The Vagina Monologues, Cindy: The Musical, In Hollands stands a House, Kickass Plays, Confusions u The Good Doctor.
Dear Nobody sa tittella’ fit-Teatru Astra, il-belt Victoria, nhar il-Ġimgħa 16 u s-Sibt 17 ta’ Jannar 2009, fis-7.30pm. Il-biljetti, li jiswew €8,jistgħu jinxtraw mill-XT Communication: Entertainment, Tiġrija Palazz, Victoria (Tel: 21555744, Email:[email protected]); u mingħand Swan Card Gallery, 40ATriq Palma, Victoria (Tel: 21 555 811, Email: [email protected]). Wieħed jista’wkoll jikkuntattja lil Gozo Creative Theatre Club billi jċempel 79303101 jew permezz ta’ l-email[email protected]. Wieħed jista’ wkoll jixtri l-biljetti mill-bieb.