Join Us On:

News Archive

DAQQ TA’ CAROLS FIL-BELT VICTORIA MILL-BANDA LA STELLA

Fuq inizzjattiva tal-kunsill lokali tal-belt Victoria, illejla l-banda ċittadina u dekana “La Stella” ser iddoqq għadd ta’ carols u marċi festivi madwar it-toroq ewlenin tal-belt tagħna. Proprju f’dan iż-żmien sabiħ tal-Milied, fejn ħafna min-nies iżuru beltna, min biex jixtri r-rigali għall-familjari tiegħu u min biex jiddeverti, kienet idea mill-isbaħ li jiġi organizzat dan l-ispettaklu. Id-daqq tal-carols mat-toroq ta’ beltna għandu jkomplu jdaħħalna fl-atmosfera sabiħa tal-Milied, u fuq kollox għandu jkompli jferraħ ukoll lil dawk il-morda u l-anzjani li jsegwuna mid-djar tagħhom. Il-marċ ser jibda fil-5.30pm.

Intant illejla wkoll it-teatru tagħna ser jerġa’ jilqa’ għal darb’oħra lill-grupp teatrali ZOO għal spettaklu ieħor mill-aqwa – din id-darba spettaklu li jġib l-isem “Zoo goes fairytales”. L-ispettaklu jibda fis-7.30pm u għalih jistgħu jattendu biss dawk li għandhom minn sittax-il sena ‘l fuq. Il-biljetti li qed jinbiegħu għall-prezz ta’ Lm 5 (€11.65) jistgħu jinkisbu mill-booking office tat-teatru Astra. Dan l-ispettaklu uniku għandu jiġbed numru kbir ta’ nies – għalhekk aħsbu kmieni għall-biljetti biex ma tiddiżappuntawx ruħkom.