Join Us On:

News Archive

ĊIRKOLARI LILL-PARTITARJI TAL-ISTILLA U L-ĠORĠJANI

Għeżież Partitarji Tal-Istilla u Ġorġjani,

Kalendarju ghall-2014

Hekk kif qed noqorbu lejn it-tmiem ta’ sena oħra, is-Soċjetà Filarmonika La Stella għadha kemm ippubblikat il-kalendarju tagħha għas-sena 2014, b’ġabra sabiħa ta’ ritratti bil-kulur ta’ wħud mill-ġrajjiet l-aktar sinifikattivi u importanti għaliha matul is-sena. Fil-ġimgħat li ġejjin, membri tal-Kumitat Ġenerali u tas-Sotto-Kumitat Festi Esterni se jkunu qed iqassmu kopji ta’ dan il-kalendarju fid-djar tal-partitarji Tal-Istilla waqt li jilqgħu il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħkom b’riżq il-festi esterni ta’ San Ġorġ.

Il-Pranzu tal-Milied

Attivita’ kbira oħra li s-Sotto-Kumitat Festi Esterni qed jaħdem fuqha hija l-Pranzu tal-Milied li se jsir nhar il-Ħadd li ġej, 15 ta’ Diċembru, fin-12:30, fil-foyer tal-każin. Bħalma fi żmien il-Milied ħafna mill-familji tagħna jiltaqgħu flimkien madwar il-mejda tal-ikel għal xi ikla speċjali, hekk ukoll nixtiequ u nħeġġu lill-membri tal-familja Tal-Istilla sabiex jilqgħu din l-istedina u niltaqgħu għal ikla speċjali flimkien f’dan l-istaġun sabiħ tal-Milied. Il-biljetti għall-Pranzu tal-Milied jiswew €15 (għall-kbar) u €8 (għat-tfal taħt it-12 -il sena), u jistgħu jinkisbu mill-bar tal-Każin La Stella, mingħand il-membri tal-Kumitat, mill-Uffiċċju Parrokkjali ta’ San Ġorġ, mingħand Frank Schembri ta’ Vajrinġa Supermarket, mingħand Sammy Rapa ta’ Ta’ Salvina Discount Store, jew mingħand is-Sinjura Kolina Attard. Inħeġġukom sabiex tirrispondu għal din l-istedina bil-parteċipazzjoni u l-kollaborazzjoni tagħkom.

L-Istrina – l-għada tal-Milied fit-Teatru Astra

Din is-sena, l-ispettaklu l-Istrina – l-għada tal-Milied f’Għawdex se jsir fit-Teatru Astra. Il-kumitat inkarigat ġa ilu jaħdem fuq l-organizzazzjoni tax-show li se tinkludi s-sehem speċjali tal-kantanta popolari Ira Losco, flimkien mal-Banda Ċittadina La Stella. L-attivitajiet fit-Teatru Astra se jibdew mit-3.00 ta’ wara nofsinhar b’diversi items fil-foyer tat-teatru, fosthom divertiment għat-tfal. L-ispettaklu taż-żfin, drama, mużika u kant ikun bejn il-5.00pm u d-9.00pm. Aktar informazzjoni ser tigi mħabbra aktar ’il quddiem.

Sadanittant, waqt li nistednukom ukoll sabiex iżżuru l-presepju artistiku li mill-weekend li ġej se jkun armat fil-foyer tal-Każin tal-banda La Stella, nixtiequ nsellu ħafna għalikom u nawgurawlkom, minn issa, Milied ħieni u sena ġdida mimlija barka u riżq.

Il-Kumitat Ġenerali
Soċjetà Filarmonika La Stella