Join Us On:

News Archive

ĊELEBRAZZJONIET SPEĊJALI F’GĦAWDEX

JMJ_8386

Fil-ġranet li ġejjin, il-Belt Victoria u l-Gżira tat-Tlett Għoljiet ser tkun qed tipprepara biex tgħix mumenti ta’ festi speċjali b’rabta mal-festa ta’ San Ġorġ li ta’ kull sena ssir fil-ġimgħa li twassal għat-tielet Ħadd ta’ Lulju.  L-okkażjoni partikolari ta’ din is-sena hija l-175 sena anniversarju ta’ l-istatwa ta’ San Ġorġ, l-ewwel statwa titulari f’Għawdex. B’rabta ma’ dan l-anniversarju hekk importanti, il-Bażilika ta’ San Ġorġ u s-Soċjetà La Stella diġà ċċelebraw festi straordinarji f’April u Mejju ta’ din is-sena.

Is-Soċjetà La Stella li hi uffiċjalment responsabbli mill-organizzazzjoni tal-festi esterni ta’ San Ġorġ Marti, ħejjiet programm ta’ festi għal matul il-ġimgħa kollha li jibdew mill-Ġimgħa 11 ta’ Lulju, bl-ikla tradizzjonali tal-festa.  Appuntament importanti fil-festa ta’ din is-sena hi l-wasla tar-Relikwa Insinji tad-Driegħ ta’ San Ġorġ ta’ l-Abbazija Benedittina ta’ San Giorgio Maggiore f’Venezja. Il-Banda La Stella ser takkumpanja t-transulazzjoni mal-wasla tagħha ġewwa l-Belt Victoria nhar it-Tlieta 15 ta’ Lulju fis-7.15pm.  Il-Banda Ċittadina La Stella ser tkun qed tagħmel tmien servizzi matul il-ġimgħa tal-festa li jinkludu l-akkumpanjament ta’ żewġ dimostrazzjonijiet, il-marċ tradizzjonali u uniku mal-Banda Ċittadina King’s Own ta’ nhar lejliet il-festa li fil-parti principali tiegħu jieħu l-forma ta’ massed band, u l-akkumpanjament tal-purċissjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ tal-Ħadd 20 ta’ Lulju.  L-istess Banda La Stella nhar lejlet u nhar il-festa tesegwixxi l-innu Immortali A San Giorgio Martire tas-Mro. Giuseppe Giardini-Vella, b’versi tal-Prof. Luigi Billion.  Il-Banda tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur, il-Professur Joseph Vella u fih jipparteċipaw solisti mill-Italja li jinġiebu apposta.

Matul l-ġimgħa tal-festa ser ikun qed jagħtu s-servizz tagħhom tmien baned, tlieta minnhom Maltin, f’disa’ servizzi tal-festa li jibdew mit-Tlieta 14 ta’ Lulju. Il-baned Maltin mistiedna tas-Soċjetà Filarmonika La Stella huma l-Banda San Ġorġ ta’ Ħal-Qormi, Il-Banda Ċittadina King’s Own kif ukoll dik ta’ Santa Katerina taż-Żurrieq.

Il-Banda Dekana La Stella din is-sena ser tkun qed iżżanżan sett ta’ marċi brijużi ġodda fl-okkażjoni tal-festa ta’ din is-sena, sett li ġie rrekordjat ukoll fuq CD li jista’ jinkiseb mill-Każin tal-Banda La Stella. Fil-ġranet tal-festa, s-Soċjetà La Stella ser tippubblika ukoll il-pubblikazzjoni annwali tal-festa.

Appuntament ieħor ferm mistenni fil-festa ta’ San Ġorġ huwa dak tat-tiġrijiet taż-żwiemel. Dan l-avveniment sar wieħed ferm popolari mad-dilettanti taż-żwiemel kemm f’Għawdex kif ukoll f’Malta. It-tiġrijiet f’San Ġorġ żiedu ħafna fil-popolarità minn meta bdew isiru filgħaxija taħt id-dawl artifiċjali u ‘l bogħod mill-qilla tax-xemx li ġeneralment ikun hemm kmieni wara nofsinhar. Bħal fis-snin l-imgħoddija din it-tiġrija ssir nhar it-Tnejn tal-ġimgħa tal-festa, li din is-sena jaħbat l-14 ta’ Lulju.  Dakinhar jiġi fi tmiemu ukoll l-Victoria International Arts Festival b’kunċert kolossali fil-Bażilika ta’ San Ġorġ bis-sehem ta’ l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali. Il-Victoria International Arts Festival, issa fis-17–il edizzjoni tiegħu, hu preludju ta’ kultura għall-festa ta’ San Ġorġ, b’sensiela ta’ kunċerti li bdew fil-11 ta’ Ġunju li għadda.

L-istazzjoni komunitarju tal-parroċċa tagħna Leħen il-Belt Victoria. Fil-fatt il-funzjonijiet kollha tal-Festa ta’ San Ġorġ, bħal kull sena jistgħu jiġu segwiti fuq il-websajt tar-radju www.lbv104.com, fejn mhux biss jintwerew u jinstemgħu t-trasmissjonijiet kollha, imma jkun offrut ukoll servizz estensiv ta’ ritratti ta’ l-attivitajiet festivi.

JMJ_8412

(Ritratti: Joe Attard)