Join Us On:

News Archive

CARITAS ET MEMORIA – KUNĊERT TA’ MARĊI U MUŻIKA SAGRA MILL-BANDA ĊITTADINA LA STELLA

L-ewwel silta kienet marċ funebri ġdid bl-isem Ecce Mater Tua – In Memoriam Maria Attard mużika ta’ George Camilleri. Maria Attard li ħalliet din id-dinja fit-8 ta’ Novembru 2024 fl-eta’ ta’ 77 sena kienet il-mara tal-poeta il-Kav. Joe M. Attard. Marċ ieħor ġdid li segwa u ħareġ mill-pinna ta’ George Borg kien In loving memory of Joe Galea. Joe Galea miet fid-29 ta’ Mejju 2022 fl-eta’ ta’ 74 sena. Joe kien wieħed mill-aqwa presepisti li kellna fil-gżejjer Maltin. Kien ukoll il-fundatur u il-president ta’ l-Għaqda ħbieb tal-presepji. Għal numru ta’ snin kien ukoll il-President ta’ l-għaqda piroteknika tal-festa ta’ San Ġorġ t’Għawdex. Wara, tal-kompożitur Ingliż Edward Elgar, smajna silta klassika oriġinarjament miktuba għall-orkestra bl-isem Nimrod. Elgar kien kiteb tema mużikali qasira li semmija Enigma. Warajha ikkompona erbatax-il varjazzjoni fuq it-tema oriġinali Enigma u dawn il-varjazzjonijiet tagħhom isem, kull waħda differenti, għal diversi ħbieb u karattri li kienu għal qalbu. Waħda minnhom, id-disgħa waħda, ta l-isem Nimrod u ddedikha għal August Jaeger, editur tal-mużika li kien ħabib tiegħu. Nimrod saret famuża fil-kultura Ingliża, u tindaqq kull sena fiċ-ċerimonja li ssir kull sena fil-11 ta’ Novembru fil-Cenotaph – il-munument f’Whitehall, Londra, li jfakkar il-miljuni ta’ suldati li tilfu ħajjithom fl-ewwel gwerra dinjija (1914-1918).

Kien imiss marċ funebri ieħor ġdid – In Memoriam Mons. Emanuel Curmi kompożizzjoni ta’ Mario Galea. Dun Manwel (1937-2024) kien magħruf sewwa f’Għawdex bħala saċerdot li kien dejjem lest biex jgħin lil kullħadd f’kull problema personali li tinqala. Predikatur u konfessur imfittex ħafna, speċjalment fil-parroċċa ta’San Ġorġ. Kien il-fundatur u direttur ta’ Dar Arka f’Għajnsielem. Barra minn hekk, kien ukoll direttur tal-fondazzjoni Caritas t’Għawdex. Għamel żmien twil direttur tal-Oratorju Don Bosco fil-belt Victoria. Marċ ieħor ġdid li segwa fil-programm kien Fides et Amor – In Memoriam Carmena Cassar,  kompożizzjoni tas-surmast Dr. John Galea. Carmena Cassar li ħalliet din id-dinja fil-25 ta’ Ġunju 2023 fl-eta’ ta’ 88 sena, kienet il-mara tas-Sur Pawlu Cassar, President u Segretarju tas-Socjeta’ La Stella għal numru twil ta’ snin. Kien imiss żewġ innijiet Taljani – Dov’e Carita’ e Amore ta’ Terenzio Zardini u Symbolum 77 ta’ Pierangelo Sequeri. Dawn iż-żewġ innijiet tkantaw mill-kor Piccole Stelle bl-akkumpanjament tal-banda. Il-kliem ta’ l-ewwel innu kien maqlub għall-Malti minn Dun Richard N. Farrugia.

Marċ funebri ieħor li indaqq mill-banda La Stella kien In Memoriam Joseph Bezzina kompożizzjoni tal-Prof. Joseph Vella. Joseph Bezzina kien mużiċist tal-banda La Stella.  Beda idoqq il-klarinett iż-żgħir (strument magħruf mal-mużiċisti bħala il-kwartin) ta’ 12 il-sena fl-1969. Għamel xi snin jgħallem l-istudenti tal-banda iżda kien diżgrazzjatament miet nhar il-ġimgħa 19 ta’ Ġunju 1998 fl-eta’ ta’ 41 sena. Wara, smajna kompożizzjoni oħra tas-surmast Vella – il-marċ funebri Tifkira ta’ Ġużeppi Attard – Ex-Surmast tal-allievi. Ġużeppi Attard li ħalla din id-dinja fil-19 ta’ Novembru 1999 fl-eta’ ta 66 sena,  kien mużiċist mal-banda La Stella mil-1948 sal-1993. Fl-ewwel snin kien idoqq it-trumbetta u wara beda jdoqq l-Althorn u sussegwentement kien għamel numru twil ta’ snin solista fuq dan l-istrument. Kien għamel ukoll madwar 25 sena jgħallem l-istudenti tal-banda. Crux fidelis- In Memoriam Toni Zammit, marċ funebri ieħor ġdid, kompożizzjoni ta’ Mro. Dr. John Galea kien il-marċ li segwa. Toni Zammit li ħalla din id-dinja fl-14 ta’ Settembru 1925 fl-eta’ ta’ 87 sena, kien membru attiv tal-kumitat tas-Soċjeta’ Filarmonika La Stella. Għal diversi snin niftakruħ bħala t-Teżorier ewlieni tas-soċjeta’. Kien ukoll attiv fil-parroċċa ta’ San Ġorġ u għamel diversi snin segretarju tal-kunsill lokali tal-Belt Victoria.

(Ritratti: Joe Attard)