Join Us On:

News Archive

BRIJU UNIKU

F’jum il-festa, hekk kif intemm il-pontifikal solenni fil-bażilika urbana, komplew il-festi esterni bil-marċ il-kbir ta’ filgħodu. Marċ ferm popolari għal briju uniku, briju li ġej minn ferħ li jħeġġeġ kemm tfal, żgħażagħ, adulti u wisq aktar emigranti li jkunu fostna f’dan iż-żmien ta’ festa. Iva, briju mill-aqwa kellna nhar il-Ħadd filgħodu, f’marċ li fih ġew mistiedna żewġ baned Maltin: il-banda “San Ġorġ Martri” ta’ Ħal-Qormi, kif ukoll il-banda “Stella Maris” ta’ Sliema, li ġiet għall-ewwel darba ddoqq fil-festa tal-belt Victoria – żewġ baned armati sa snienhom, li bid-daqq kontinwu tagħhom ta’ marċi mill-aktar popolari ħolqu festa grandjuża u spettaklu ta’ briju. Tapit aħmar kesa pjazza Indipendenza – iva, tapit ta’ nies, ta’ Ġorġjani, u oħrajn Għawdxin, Maltin u turisti li ngħaqdu magħna għal dan il-marċ grandjuż. M’hemmx dubju li fi gżiritna biex tara briju bħal dan trid tasal il-festa ta’ San Ġorġ biex tgawdih. Briju li fih spikka l-kant ta’ tifħir lill-qaddis protettur ta’ l-Għawdxin San Ġorġ Martri – ħaġa li għall-kuntrarju ta’ festi oħra, turi l-imħabba ferm kbira li għandu l-poplu Rabti lejn dan il-qaddis patrun. Briju mingħajr provokazzjonijiet żejda, briju li għax ġenwin ifur mhux fl-inħawi li jistgħu jitqiesu provokatorji, iżda fil-pjazez u fit-triqat prinċipali ta’ beltna, fejn jinsabu kemm il-bażilika u anke l-każin tagħna. Ferħu l-Ġorġjani kollha u kellhom biex! Ferħu u ċċelebraw festa oħra li fuq kliem kulħadd kienet suċċess. Kellna fostna diversi Slimiżi, li ġew f’beltna jakkumpanjaw il-banda tagħhom, li ġew għall-ewwel darba fil-festa tagħna u li verament baqgħu impressjonati u ssummati b’dak li kapaċi noħolqu aħna l-Ġorġjani fil-jiem tal-festa tagħna. Ma dawn kien hemm bil-bosta oħrajn, li lkoll qablu li kienet festa suċċess. Fraħna u ferraħna f’dawn il-jiem ta’ festa, b’mod speċjali f’dan il-marċ, li f’festi oħra huwa meqjus ma’ insulti u provokazzjonijiet. Fraħna mingħajr ma weġġajna lil ħadd. Fraħna għax tassew kellna biex nifirħu, u għalhekk ma ħassejna l-ebda bżonn li noffendu jew li noħolqu provokazzjonijiet. Konna eżemplari, l-istess bħalma konna fil-ġimgħa kollha tal-festa. Eżemplari u Uniċi!

ritratti: Joe Attard