BILJETTI TAL-OPRA NABUCCO GĦALL-ANZJANI
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita’ u Anzjanita’ Attiva, Dr Justyne Caruana, dalgħodu żaret it-Teatru Astra fejn ġiet milqugħa mill-President tas-Soċjetà Filarmonika La Stella, is-Sur Paul M. Cassar u membri tal-kumitat ċentrali. F’din l-okkażjoni Dr. Justyne Caruana ħabbret inizjattiva tal-gvern fejn numru ta’ anzjani li jilħqu ċerti kriterji se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn biljetti tal-opra Nabucco li se ssir fit-Teatru Astra nhar il-Ħamis 23 u s-Sibt 25 ta’ Ottubru. Is-Segretarju Parlamentari Dr. Justyne Caruana tenniet li din hija parti mill-istrateġija tal-gvern għal anzjanità attiva u fost il-kriterji li fuqhom se jintgħażlu l-anzjani minn dawk li japplikaw hemm li jrid ikollhom l-kartanzjan, iridu jkunu qed jattendu xi kors jew huma nvoluti f’xi xogħol volontarju.
Is-Sur Paul M. Cassar irringrazzja lil Dr Caruana tal-għajnuna tagħha lis-Soċjetà Filarmonika La Stella u ta’ din l-inizjattiva li tagħmel kuraġġ biex jitkompla dan il-patrimonju kulturali li jagħmel ġieħ mhux biss lil gżiritna imma wkoll lil Malta.