BIEX NIFHMU AĦJAR…
Biex nifhmu aħjar kemm il-parroċċa ta’ San Ġorġ stħaqqilha tassew issir l-ewwel parroċċa bażilika ta’ Għawdex.
Min jipprova jifhem l-għoti tad-dinjità ta’ bażilika lill-parroċċa ta’ San Ġorġ mingħajr il-kuntest storiku usa’ jkun qed jirriskja li ma jifhem xejn. L-arċimatriċi tal-belt u l-gżira saret bażilika tliet snin biss wara li ħarġet mill-aktar perjodu mdallam fl-istorja soċjo-ekkleżjastika Għawdxija: l-unjoni infami mal-Kolleġġjata ta’ l-Assunta, li l-parroċċa ta’ San Ġorġ ġiet imġiegħla toqgħod għaliha għal 266 sena sħaħ. F’dan iż-żmien il-parroċċa ta’ beltna ġiet użurpata mid-drittijiet veri tagħha bħala omm naturali tal-parroċċi l-oħra ta’ Għawdex, li erba’ minnhom inħolqu b’konsegwenza immedjata ta’ l-Unjoni.
It-titlu ta’ bażilika kien l-ewwel ġieħ li bih il-knisja protoparrokkjali ta’ San Ġorġ saret ġustizzja magħha u bdew jintgħarfu mill-ġdid il-merti kbar tagħha fil-ktiba ta’ l-istorja ekkleżjastika Għawdxija. Jekk nifhmu l-Unjoni, nifhmu iżjed x’sens kellu d-digriet ta’ Piju XII Merito dilaudatur templum fl-1958.
L-1 ta’ Awwissu
L-1 ta’ Awwissu huwa jum importanti fil-kalendarju tal-parroċċa ta’ San Ġorġ u ta’ l-ulied kollha li jħobbuha, jum li ma għandux jintesa kif ġieb u laħaq. Bosta kienu dawk fost l-antenati tagħna li ħadmu kemm felħu biex il-parroċċa ta’ San Ġorġ – parroċċa sa minn żminijiet imbiegħda li l-bidu tagħha huwa mitluf fiż-żmien – tgawdi l-indipendenza li tant kien jixirqilha. U anki jekk ħafna sal-lum ma fehmux l-importanza tal-ġrajja tas-“Separazzjoni”, min daq it-togħma morra ta’ din il-ġrajja ma jistax ma jifraħx li bil-ħidma ta’ Mons. Ġużeppi Pace, fost oħrajn, saret ġustizzja mal-merti kbar li stħaqqitilha l-protoparroċċa tal-belt u tal-gżira.
L-Unjoni infami ta’ l-1689
L-aħjar biċċa xogħol ta’ letteratura li teżisti b’ilsienna fuq l-istorja tal-parroċċi ta’ Għawdex u l-ġrajja tad-djoċesi Għawdxija hija ċertament il-ktieb voluminuż ta’ Pawlu Mizzi li jġib l-isem Il-Parroċċa t’Għawdex, maħruġ fl-1997 mill-Kumitat Storiku-Kulturali tal-bażilika ta’ San Ġorġ. Kull min għandu għal qalbu ġrajjet Għawdex għandu jkollu kopja ta’ dan il-ktieb. Fil-kapitlu fuq ir-Riforma fil-parroċċa maħduma skond il-pjan ta’ l-arċipriet Pontremoli, Pawlu Mizzi jagħtina storja dettallja ta’ kif seħħet il-famuża unjoni bejn il-parroċċa ta’ San Ġorġ u l-kolleġġjata tal-Kastell. Jgħidilna kif fir-Rabat kienet teżisti pika bejn iż-żewġ rgħajja spiritwali.
It-twaqqif ta’ l-ewwel parroċċa
M’huwiex magħruf meta twaqqfet l-ewwel parroċċa fir-Rabat imma nafu – minn studju ta’ Patri Ġorġ Aquilina ofm – li l-parroċċa ta’ San Ġorġ gawdiet mill-indulġenzi tal-Ġublew ta’ l-1450. San Ġorġ kellu lil Għawdex kollu bħala territorju tiegħu. Fil-Kastell il-Knisja ddedikata lill-Assunzjoni ta’ Marija ngħatat għall-ewwel darba l-istatus veru ta’ parroċċa fis-sena 1623. Dan jiktbu ċar ħafna Pawlu Mizzi meta jgħid:
“Imma, meta fl-1623 twaqqfet bħala parroċċa u mal-ġurisdizzjoni limitata li kellha qabel żdiditilha dik tal-kampanja b’xi 2,400 ruħ fiha mxerrdin ’l hawn u ’l hemm, ix-xogħol għall-arċipriet tqal” (Mizzi, 294).
Jidher imma li l-arċipriet Pontremoli ma kienx ferħan bis-sitwazzjoni u ried jgħaqqad il-parroċċa ta’ San Ġorġ mal-Kolleġġjata. Pontremoli ried li jkollu f’idejh mhux biss il-Kolleġġjata imma wkoll il-parroċċa ta’ San Ġorġ. Imma kanonikament ma setax jgħaqqad iż-żewġ entitatjiet ma’ xulxin. Għalhekk ikompli jgħidilna Mizzi:
“Din l-unjoni li kien jipproponi b’tant ħeġġa kienet ibbażata fuq prinċipji żbaljati li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-Konċilju ta’ Trento” (Ibid).
Pontremoli ma rnexxilux jgħaqqad il-parroċċi flimkien. Imma warajh Dun Carlo Magri kompla fuq il-passi malizzjużi tiegħu biex jgħaqqad il-parroċċa ta’ San Ġorġ ma’ l-arċipretura tal-Kolleġġjata. Magri ġab l-iskuża tal-proposta tat-twaqqif ta’ erba’ parroċċi ġodda fil-kampanja biex jitlob li ssir din l-unjoni ħalli ma jsofrix finanzjarjament.
Unjoni u twaqqif
Il-proġett tat-twaqqif ta’ l-erba’ parroċċi l-ġodda kellu jseħħ fl-istess waqt li l-parroċċa ta’ San Ġorġ tingħaqad mal-Kolleġġjata. L-erba’ parroċċi l-ġodda kellhom jitwaqqfu kontemporanjament mat-twettiq ta’ l-unjoni; il-beni stabbli ta’ San Ġorġ kellhom jittieħdu biex iservu ta’ prebendi għall-kappillani l-ġodda u l-arċipriet tal-Matriċi kellu jkun il-mexxej spiritwali ta’ din l-unjoni bejn il-kolleġġjata tal-Matriċi u l-parroċċa ta’ San Ġorġ.
Fis-27 ta’ April 1688 l-isqof ta’ Malta Davide Cocco Palmieri ppubblika d-digriet tat-twaqqif ta’ l-erba’ parroċċi. F’dan id-digriet huwa ddikkjara wkoll li l-parroċċa ta’ San Ġorġ ma kellha titlef xejn mid-dinjità tal-parrokkjalità tagħha. Nhar is-26 ta’ Mejju 1689 is-Sacra Congregatione del Concilio kkonfermat l-unjoni u dan minkejja li l-isqof Cocco Palmieri kien jaf li ma kienx qed jagħmel is-sewwa u li kien qed jeħodha kontra d-dispożizzjonijiet tal-Konċilju ta’ Trento. Sadattant Dun Pawlu Lamagna, li sa qabel l-Unjoni kien għadu kappillan tal-parroċċa ta’ San Ġorġ, inħatar kappillan ta’ Bormla u b’hekk il-parrokkat ta’ San Ġorġ safa battal. Permezz ta’ din il-mossa Dun Carlo Magri seta’ jsir ir-ragħaj spiritwali tar-Rabat u filwaqt li baqa’ jżomm it-titlu ta’ arċipriet fi ħdan il-Kolleġġjata sar ukoll il-kappillan ta’ San Ġorġ.
Użurpazzjoni infami
Mat-tqegħid fis-seħħ ta’ l-Unjoni l-parroċċa ta’ San Ġorġ ma tilfet xejn mill-parrokkjalità tagħha imma batiet fl-indipendenza u fis-sovranità li kellha. Suppost l-affarijiet kellhom isiru bil-maqlub: il-Kolleġġjata kellha tingħaqad mal-parroċċa. Imma fil-verità kienet il-parroċċa ta’ San Ġorġ li b’inġustizzja sfat assoġġettata għall-arċipretura tal-Kolleġġjata. Mizzi fil-ktieb tiegħu ifisser dan bla tlaqliq:
“Fil-forma l-ġdida l-matrice użurpat l-istatus ġuridiku li kellha; minn knisja-omm ta’ knejjes żgħar fil-Kastell saret omm il-knejjes tal-gżira” (Mizzi, 320).
Nhar il-5 ta’ Marzu 1689 ġie ffirmat f’Ruma d-digriet ta’ l-Unjoni u fis-26 ta’ Mejju d-digriet ġie ppubblikat f’Malta mill-inkwiżitur Vidoni.
It-tkissir ta’ l-Unjoni
Kellu jkun l-isqof Mons. Ġużeppi Pace ta’ Għawdex li ġab fi tmiemha din l-unjoni infami permezz tad-digriet Cum hodiernis temporibus ta’ nhar l-1 ta’ Awwissu 1955. Bosta kienu dawk li tħabtu sabiex din l-unjoni tiġi riversata. Imma l-akbar persuna li ħadmet kienet ċertament Mons. Emmanuel Mercieca l-ewwel arċipriet ta’ San Ġorġ . Ħadem kemm felaħ biex il-parroċċa ta’ San Ġorġ tikseb l-indipendenza tagħha mill-Unjoni u mill-Kolleġġjata. Dakinhar il-parroċċa ta’ l-Assunta, li kienet tilfet il-parrokkjalità tagħha meta saret kolleġġjata, reġgħet twaqqfet mill-ġdid bħala parroċċa.
San Ġorġ f’relazzjoni mal-parroċċi t’Għawdex
Min jaqra bir-reqqa l-istorja tal-parroċċa ta’ San Ġorġ u dak li għaddiet minnu frott il-qerq u t-tgħawwiġ ta’ min ried jaħkimha jifhem sewwa għalfejn il-parroċċa ta’ San Ġorġ ġiet u tibqa’ msejħa l-knisja protoparrokkjali u arċimatriċi tal-gżira Għawdxija. Għalkemm qatt ma ġiet rikonoxxuta għall-beni u l-artijiet li tat biex il-kampanja Għawdxija jkollha l-parroċċi tagħha, imma l-verità tgħajjat għall-ġustizzja. Meta l-parroċċa tat minn artijietha biex il-knisja tal-Kastell issir parroċċa tassew għall-ewwel darba fl-1623, hija saret awtomatikament il-knisja omm tagħha. Imbagħad mat-twelid tal-parroċċi l-oħra hija ġiet magħrufa bir-raġun kollu bħala omm il-parroċċi tal-gżira kollha mingħajr ebda eċċezzjoni. Wieħed mill-ftit persuni li rrikonoxxew dan kollu kien l-isqof Giovanni Maria Camilleri osa – isqof Malti li ma kellu ebda simpatiji għal xi parroċċa partikulari – li fl-ittra pastorali taċ-ċentinarju Ġorġjan ta’ l-1903 semma bi kliem ċar li l-parroċċa ta’ San Ġorġ hija n-nissiela awtentika tal-parroċċi Għawdxin. Dak li nkiteb iswed fuq l-abjad mill-isqof tad-djoċesi jibqa’ mafkar dejjiemi għall-verità li b’rasha mgħollija ’l fuq tibqa’ għal dejjem tittrijonfa.