Join Us On:

News Archive

BIDU QAWWI

Il-bieraħ tajna bidu għall-ġimgħa prinċipali tal-festa u dan nistgħu ngħidu li għamilnieh bil-kbir meta wieħed jara l-attendenzi kbar li kien hemm fiż-żewġ avvenimenti tal-bieraħ filgħaxija: il-kunċert vokali u strumentali fil-bażilika u t-tiġrijiet tradizzjonali tal-bhejjem fi Triq ir-Repubblika. Kull min attenda u ra b’għajnejh jaf sew kif Triq ir-Repubblika mill-bidu tagħha sa Pjazza Indipendenza kienet ippakkjata bin-nies sabiex setgħu jsegwu bl-aħjar mod it-32 tiġrija li ġew organizzati l-bieraħ mis-Soċjeta’ Filarmonika La Stella. Għal sena oħra nistgħu ngħidu li dan l-avveniment li beda jsir bi prova filgħaxija tliet snin ilu, illum bil-fatti huwa l-aktar popolari fi gżiritna. Għal darb’oħra kellna numru kbir ta’ parteċipanti u ta’ dilettanti ta’ dan l-isport. Kollox kien organizzat tajjeb, tant li għalkemm kien hemm numru kbir ta’ tiġrijiet kollox spiċċa mal-ħin. Il-kummentarju tal-ġurnalist espert Kenneth Vella wkoll niżel ferm tajjeb ma’ dawk kollha li ġew biex isegwu dawn it-tiġrijiet. Minn din il-paġna nifirħu lill-membri kollha fi ħdan is-Soċjeta’ tagħna li kellhom f’idejhom l-organizzazzjoni ta’ dawn it-tiġrijiet.

Siegħa wara li bdew it-tiġrijiet fi Triq ir-Repubblika, il-bażilika Ġorġjana kienet ukoll miżgħuda bin-nies, biex isegwu għeluq it-tnax-il edizzjoni tal-Victoria International Arts Festival – kunċert kbir bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, tal-kor Laudate Pueri; il-vjolinċellista Daniel Veis u l-organista Scott Farrell, taħt id-direzzjoni tal-Prof. Joseph Vella. F’dan il-kunċert grandjuż ġew esegwiti xogħlijiet tal-kompożitur Franċiż Faure’ u anke tal-Professur Vella, maestro di cappella, u surmast direttur tal-banda tagħna.

Illejla jmiss avveniment ieħor ferm u ferm mistenni – il-ħruġ min-niċċa tal-istatwa titulari ta’ San Ġorġ, avveniment li wkoll jiġbor folol kbar biex jassistu għal dan il-mument mill-aktar emozzjonanti. Il-banda La Stella, qabel tagħmel marċ brijuż mill-inħawi Taċ-Ċawla sa Pjazza San Ġorġ fejn iddoqq għall-aħħar darba s-sett ta’ marċi brijużi 2008/09. Minn għada l-banda żżanżan is-sett il-ġdid ta’ marċi li jibqgħu jindaqqu matul is-sena fin-numru kbir ta’ servizzi li l-banda għandha. Illejla wkoll nagħtu bidu għall-ewwel minn erba’ dimostrazzjonijiet, din id-darba bis-sehem tal-banda Ite ad Joseph tal-Qala’ li tintemm fost briju kbir fi Pjazza San Franġisk.

Żommu kuntatt magħna għal aktar aġġornamenti, ritratti u kummenti mill-festa ta’ San Ġorġ f’beltna.