Join Us On:

News Archive

BIDU MILL-AQWA GĦAL FESTIVAL MEDITERRANEA

Il-bieraħ ingħata bidu għas-sitt edizzjoni ta’ Festival Mediterranea, bl-ewwel rappreżentazzjoni ta’ l-opra Verdjana “Macbeth”. Wara tant ġimgħat ta’ preparazzjoni l-bieraħ dawk il-mijiet li attendew setgħu jitgħaxqu bil-ġmiel tal-produzzjoni li t-Teatru Astra biss kapaċi joffri.

Quddiem udjenza grandjuża, fejn fost l-oħrajn kien hemm ukoll il-preżenza ta’ l-E.T. il-President tar-Repubblika Dr Edward Fenech Adami u l-E.T. Mons. Isqof Mario Grech, ittellgħet għal darb’oħra wara għaxar snin l-opra “Macbeth” bis-sehem tas-solisti: Marco Chingari fil-parti ewlenija ta’ Macbeth; Francesca Patanè fil-parti ta’ Lady Macbeth, Franco De Grandis fil-parti ta’ Banco, u fuq kollox it-tenur ta’ fama mondjali Joseph Calleja fil-parti ta’ Macduff, l-istess parti li permezz tagħha kien iddebutta għaxar snin ilu proprju ġewwa t-teatru tagħna. Solisti li lkoll ġew imfaħħra għall-interpretazzjoni impekkabbli li taw. L-istess jista’ jingħad għas-solisti l-oħra f’parti sekondarja, Joseph Aquilina fil-parti ta’ Malcolm, Dorienne Portelli fil-parti ta’ Dama, Kevin Caruana fil-parti ta’ Dottore u Bernard Busuttil fil-parti ta’ Araldo. Spikka għal darb’oħra l-kor tat-Teatru mmexxi minn Dr. Maria Frendo, kif ukoll l-orkestra Nazzjonali taħt id-direzzjoni tal-Professur Joseph Vella. Intogħġbu wkoll il-kostumi, grazzi għall-ħidma kontinwa ta’ Emanuel Grima u George Farrugia. Fuq kollox spikka x-xenarju li għal darb’oħra ġie maħdum b’reqqa kbira mill-artist “tagħna” Joseph Cauchi. Il-produzzjoni kienet fl-idejn esperti tad-direttur artistiku Taljan Mario Corradi.

Festival Mediterranea kompla eżatt wara li ntemmet l-opra b’ikla ma’ l-artisti u s-solisti kollha li ħadu sehem flimkien ma’ diversi mistednin oħra. Intant is-Sibt li ġej tittella’ għat-tieni darba l-Opra “Macbeth”, fejn din id-darba wkoll is-sala ser terġa’ tkun maħnuqa bin-nies, kemm Għawdxin, numru kbir ta’ Maltin, kif ukoll turisti li għal darb’oħra għażlu t-Teatru Astra għal produzzjoni operistika ta’ klassi – teatru li llum kiseb isem f’dik li hija organizzazzjoni u produzzjonijiet operistiċi u teatrali.

Ritratti: Joe Attard (Aktar ritratti mill-opra “Macbeth” jittellgħu fil-ġranet li ġejjin).