BĦAL-LUM XAHAR…L-IMMAKULATA!
Ninsabu biss xahar ‘il bogħod mill-jum għażiż tat-8 ta’ Diċembru, il-jum li fih il-belt rebbieħa – il-belt Victoria tagħna – tweġġah lis-Sultana Rebbieħa tagħha. U għalina l-Ġorġjani, għalina Tal-Istilla, riesqa ġmielha t-tieni festa tagħna. Għax kellem lil min trid fost ix-xjuħ tagħna u jgħidlek bla tlaqliq li l-Kunċizzjoni, għal Tal-Istilla, hi “s-sekonda festa”.
Ir-rabta tas-Soċjeta’ Filarmonika La Stella mal-komunita’ Franġiskana Konventwali ta’ beltna hija waħda antika ħafna. Hija rabta ħelwa li ġġorr magħha ġieħ reċiproku, rabta naturali u kważi kważi ovvja, ladarba n-nies li jgħixu fl-inħawi “ta’ wara San Franġisk” kienu u għadhom sostanzjalment parruċċani ta’ San Ġorġ u partitarji sħan Tal-Istilla.
Matul l-istorja glorjuża tagħha, l-banda ċittadina u dekana La Stella minn dejjem fittxet li tħares dan il-jum bis-sehem distint tagħha fih, tant li l-Franġiskani Konventwali, li jieħdu ħsieb din il-festa, dejjem qisuha ta’ ġewwa. Bħal donnha bi dritt toħroġ iddawwar l-istatwa smewwija tal-Immakulata, iż-żîna Marjana tal-belt Victoria, u b’ferħ liema bħalu tgħaddiha minn ħdejn il-Bażilika Ġorġjana.
Fuq xbihet l-Immakulata jmur ħsieb is-Soċjeta’ La Stella llum, fl-istennija ħerqana għaż-żernieq ta’ dan il-jum għażiż; għax hi tagħna, u aħna tagħha! Iva, hekk irridu nemmnu aħna: li dawn iż-żewġ ismijiet ma jinfirdux, għax hekk kienu sa’ mill-bidu…ħaġa waħda!