Join Us On:

News Archive

BEDA LULJU…QED TOQROB IL-FESTA!

Il-programm tal-festi ad unur San Ġorġ Martri, patrun tad-djoċesi u ta’ beltna, beda kważi xahar ilu mal-ftuħ tal-Victoria International Arts Festival. Issa li dħalna fix-xahar ta’ Lulju, qed noqorbu aktar lejn l-aħħar ġimgħa tal-festa, li hija l-qofol tal-festi f’ġieh San Ġorġ Martri. Il-belt Victoria diġà bdiet tilbes il-libsa tal-festa. Proprju f’dawn l-aħħar ġimgħat min kien ikun fit-toroq ta’ beltna, seta’ jinnota numru sabiħ ta’ żgħażagħ, membri fl-għaqda ta’ l-armar tas-Soċjetà, jarmaw in-numru kbir ta’ armar li jżejjen il-belt tagħna għall-festa prinċipali ta’ gżiritna. Ta’ kull sena qed jiżdied l-armar u fejn ikun hemm bżonn qed isir ukoll xogħol ta’ restawr. Għal din is-sena ser tiżżanżan ukoll statwa ġdida ta’ San Ġorġ: Patrun t’Għawdex. Din ser tiżżanżan fid-dimostrazzjoni tal-Ħamis u ser tittella’ fi Pjazza Savina. B’din l-istatwa ġdida, issa fil-ġimgħa tal-festa ser ikollna xejn inqas minn erba’ dimostrazzjonijiet – ħaġa unika fi gżiritna.

L-għaqda tan-nar ukoll tinsab fl-aħħar preparamenti tagħha biex fil-ġimgħa tal-festa twasslilna spettaklu mill-aqwa ta’ logħob tan-nar ta’ l-art u ta’ l-ajru li ta’ kull sena qed jiżdied fin-numru u fil-kwalità. Tul is-sena sar xogħol kbir biex jinġabru l-fondi meħtieġa biex fil-festa nkunu nistgħu ngawdu spettaklu uniku ta’ logħob tan-nar. Din is-sena ukoll grupp ta’ żgħażagħ fi ħdan il-kumitat ta’ l-għaqda tan-nar, ser iżanżan xbieha illuminata ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel fuq disinn ta’ George James Cutajar, għal fuq l-għolja ta’ Gelmus. Din hija opra ġdida li bħalha żgur għadna qatt ma rajna.

Xogħol siewi sar ukoll mill-kumitat li jieħu ħsieb it-tiġrijiet tal-bhejjem li din is-sena ukoll, wara s-suċċess kbir tas-sena li għaddiet, ser jerġgħu jsiru filgħaxija fi Triq ir-Repubblika. L-attendenza, kif ukoll in-numru ta’ parteċipanti u n-numru ta’ tiġrijiet li kellna s-sena li għaddiet huma fatturi li jagħmlu kuraġġ lilna bħala organizzaturi u lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom fl-organizzazzjoni ta’ dawn it-tiġrijiet. Din is-sena t-tiġrijiet ser isiru nhar it-Tnejn 14 ta’ Lulju.

Fl-aħħar u mhux l-inqas ma rridux ninsew lill-banda ċittadina u dekana ‘La Stella’ li għalkemm diġà kellha numru sostanzjali ta’ impenji f’dawn il-ġimgħat, preparat bi sħiħ biex ħarġet CD ġdid ta’ marċi brijużi li ser jiżżanżnu fid-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel, fl-ewwel jum tat-tridu. Proprju l-bieraħ il-banda għamlet l-aħħar kunċert ġenerali tat-tlettax-il marċ li ser jindaqqu tul il-festa ta’ din is-sena, u anke waqt is-servizzi l-oħra kollha li għandna fix-xhur li ġejjin. Hawn irridu nuru l-apprezzament tagħna għall-ħidma kbira u siewja tas-surmast u ta’ l-assistent surmast b’risq il-banda tagħna, kif ukoll tal-bandisti tagħna, li jattendu bi ħġarhom biex inkunu nistgħu nonoraw in-numru kbir ta’ servizzi li għandna kemm matul il-ġimgħa tal-festa, u anke fis-servizzi l-oħra barra l-belt Victoria. Il-banda dekana ser tieħu sehem kważi fil-jiem kollha tul il-ġimgħa tal-festa flimkien ma’ ħdax-il banda oħra li ġew mistiedna biex jipparteċipaw fil-festa l-kbira ta’ l-Għawdxin.

Il-festi f’ġieh San Ġorġ Martri, dejjem ġibdu lejn gżiritna eluf kbar ta’ ammiraturi. Din is-sena li fiha qed niċċelebraw il-festi ċinkwantenarji tal-bażilika Ġorġjana, żgur li mhux ser tkun eċċezzjoni! Wara sena sħiħa ta’ ħidma, ninsabu lkoll preparati biex fil-jiem li ġejjin nuru lil pajjiżna x’ifisser li tkun Ġorġjan…Ġorġjan ta’ l-iStilla! Nistednukom, għall-festa ta’ l-Għawdxin, il-festa ta’ beltna, il-festa tal-festi, il-festa ta’ ĠORĠI TAGĦNA!!

03/07/2008