Join Us On:

News Archive

BDEJNA BIL-KBIR!

Dħalna fil-ġimgħa tal-festa, u llum nibdew l-ewwel jum tat-tridu solenni li jwassalna għall-festa tal-kbir patrun tagħna San Ġorġ. Tajjeb li llum nagħtu ħarsa lejn il-jumejn li għaddew li għal darb’oħra taw stampa ċara ta’ dik li hi l-festa ta’ San Ġorġ u ta’ dak li għad irid iseħħ. Bidu tajjeb, folol kbar, ċelebrazzjonijiet denji ta’ Rabtin Ġorġjani. 

Tiġrijiet tradizzjonali
Għar-raba’ sena konsekuttiva, it-tiġrijiet tradizzjonali tal-bhejjem fil-festa tagħna sara t-Tnejn filgħaxija. Aktar minn mija u ħamsa u tletin parteċipant ħadu sehem f’erbgħa u tletin tiġrija li bdew fis-7.00 ta’ filgħaxija u ntemmu kif kien pjanat f’nofs il-lejl. Għal darb’oħra numru kbir ta’ Maltin dilettanti ta’ dan l-isport attendew u flimkien ma’ bosta Għawdxin ħonqu Triq ir-Repubblika, magħrufa aktar magħna bħala It-Tiġrija biex jassistu għal dan l-avveniment li sena wara sena qed ikompli jikber. It-tiġrijiet kienu akkumpanjati minn kummentarju kontinwu ta’ Kenneth Vella: ġurnalist li nistgħu ngħidu li huwa espert f’dan l-isport. Il-preżentazzjonijiet lir-rebbieħa saru mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex; l-Onor. Chris Said, segretarju parlamentari; u Dr Samuel Azzopardi, sindku ta’ beltna, fil-preżenza tal-President tas-Soċjeta’ Paul Zammit u membri oħra tal-kumitat responsabbli minn dan l-avveniment.

Kunċert fil-bażilika
It-Tnejn ukoll, fl-istess ħin li kienu għaddejjin it-tiġrijiet fi Triq ir-Repubblika, il-bażilika ta’ San Ġorġ kienet ippakkjata għal kunċert li għalaq l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Victoria International Arts Festival. Il-kunċert bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali; il-kor Laudate Pueri u r-Rochester Cathedral Choir, kellu bħala protagonisti lill-vjolinisti Pierre Henri Xuereb u Dejan Bogdanovich, kif ukoll lis-sopran Sophie Bean u t-tenur Nicholas Scott. Id-direzzjoni mużikali kienet f’idejn il-Prof. Joseph Vella.

Ħruġ min-niċċa tal-istatwa titulari
Jekk fl-ewwel ġurnata tal-ġimgħa folol kbar attendew għall-attivitajiet marbuta mal-festa ta’ San Ġorġ, ma setax jonqos li għall-ħruġ min-niċċa tal-istatwa titulari, mijiet ta’ Ġorġjani ħonqu l-maqdes ta’ beltna biex jassistu għal wieħed mill-isbaħ mumenti matul il-ġimgħa tal-festa. Rabtin, Għawdxin, Maltin, emigranti…ilkoll b’vuċi waħda jkantaw l-innu li huwa magħruf madwar il-pajjiż kollu; l-innu "Ġorġi tagħna", flimkien ma’ numru ta’ innijiet oħra Ġorġjani fost iċ-ċapċip kontinwu li ma waqaf fl-ebda mument. Id-daqq tal-innu mill-banda La Stella, hekk kif l-istatwa tfaċċat fil-bieb tal-bażilika kompla żied mal-briju li diġa’ kien hemm, biex hekk nistgħu ngħidu li kellna ħruġ ieħor spettakolari li jixraq lill-patrun ta’ beltna San Ġorġ.

L-ewwel dimostrazzjoni
Il-bieraħ assistejna wkoll għall-ewwel dimostrazzjoni minn erbgħa. Id-dimostrazzoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ (1991), xogħol Austin Camilleri, laħqet il-qofol tagħha fi Pjazza San Franġisk, fejn hemm ittellgħet fuq il-pedistall fost il-briju taż-żgħażagħ tagħna – briju li bħas-snin l-imgħoddija jkompli jikber ġurnata wara oħra f’dawn l-erba’ dimostrazzjonijet grandjużi. F’din id-dimostrazzjoni ħadet sehem il-banda Ite ad Joseph tal-Qala.

Photos: Joe Attard