Join Us On:

News Archive

BDEJNA BIL-KBIR !

Il-Banda Ċittadina La Stella bdiet bl-impenji tagħha l-bieraħ b’marċ minn fejn il-knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb lejn Pjazza San Ġorġ.  Mal-wasla tal-banda quddiem il-Bażilika beda l-ħruġ ta’ San Ġorġ minn niċċa fost kant, ċapċip u atmosfera ferriħija għal dan il-mument sabiħ tal-festa, ġewwa knisja litteralment ippakkjata.  Dritt wara saret laqgħha ta’ formazzjoni u talb immexxija mis-saċerdot novell Fr Joseph Hili, liż-żgħażagħ u l-adoloxxenti tal-parroċċa tagħna. Huwa ta’ pjaċir tara parteċipazzjoni numeruża quddiem ix-xbieha ta’ San Ġorġ.

Il-bieraħ kellna wkoll l-ewwel dimostrazzjoni, bl-istatwa ta’ San Ġorġ (1991) tal-artist Austin Camilleri bis-sehem tal-Banda Ite ed Josef tal-Qala. Bħalma jixdhu r-ritratti, l-attendenza kienet waħda eċċellenti. Dritt wara li San Ġorġ sab postu fuq il-pedestall monumentali ġo Pjazza San Franġisk, ingħata bidu għall-ħruq ta’ logħob tan-nar tal-art fuq inizjattiva tal-Għaqda Żgħażagħ La Stella.

Intant, nhar it-Tnejn li għadda ġie fi tmiemu il-VIAF b’kunċert grandjuż ġol-Bażilika ta’ San Ġorġ li kif kien xieraq din is-sena kien iddedikat lill-Prof. Joseph Vella.  It-Tnejn ukoll saru t-tiġrijiet taż-żwiemel ġewwa Triq ir-Repubblika jew kif popolarment magħrufa t-“tiġrija”.

Illum imiss il-bidu tat-tridu li din is-sena se jagħmlu Patri George Oscar Buttigieg OFMCONV.  Aktar tard issir id-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ taż-Żiemel (1987) xogħol tal-artist Alfred Camilleri Cauchi bis-sehem tal-Banda Ċittadina La Stella u l-Banda ta’ Santa Margerita.