BDEJNA BIL-KBIR
Folol kbar għal sena oħra qed jikkaratterizzaw il-festi ta’ San Ġorġ fil-belt Victoria. Fil-fatt wara li fili-ġurnata tat-Tnejn ġew organizzati b’suċċess ieħor kbir it-tiġrijiet tradizzjonali u l-kunċert grandjuż fil-bażilika, fejn fi-żewġ okkażjonijiet kellni attendenza kbira ħafna, il-bieraħ komplejna bil-kbir fejn assistejna għall-ħruġ min-niċċa tal-istatwa ta’ San Ġorġ Martri, u aktar tard filgħaxija għall-ewwel dimostrazzjoni minn erbgħa bl-istatwa ta’ San Ġorġ.
Il-ġurnata tal-bieraħ fetħet b’quddiesa fil-knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb fiż-żona residenzjali Taċ-Ċawla, segwita minn marċ brijuż mill-banda ċittadina La Stella li beda minn quddiem l-istess knisja u għadda lejn Triq Anton Tabone, Pjazza San Franġisk, Triq Palma, Triq ir-Repubblika, sa Pjazza San Ġorġ. Hemm assistejna għall-ħruġ min-niċċa tal-vara titulari u hekk kif din tfaċċat fil-bieb ewlieni tal-bażilika man-noti tal-innu “Ġorġi tagħna” il-folla kantat mal-banda dawk il-versi tant u tant popolari fost iċ-ċapċip u l-entużjażmu kbir ta’ dawk kollha preżenti. Il-festi komplew b’laqgħa għaż-żgħażagħ Ġorġjani organizzata mill-grupp 23four ġewwa l-bażilika – ċelebrazzjoni ta’ xhieda kristjana b’mumenti ta’ talb u riflessjonijiet dwar il-patrun tagħna San Ġorġ, li għaliha wkoll bi pjaċir innutajna attendenza ferm kbira miż-żgħażagħ tagħna.
Il-ġurnata waslet fi tmiemha bl-ewwel dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ (1991) bis-sehem tal-banda Ite Ad Joseph tal-Qala, dimostrazzjoni li għaddiet mit-toroq ta’ madwar il-bażilika u laħqet il-qofol tagħha fi pjazza San Franġisk fejn l-istatwa ttellgħet fost il-briju kbir miż-żgħażagħ tagħna – briju li jawgura tajjeb ħafna għall-ġranet li jmiss tal-festa tagħna – dan meta wieħed jikkunsidra li konna għadna lejlet l-ewwel jum tat-tridu. U allura ma jonqosx ħlief li nistednukom biex illejla wkoll għat-tieni dimostrazzjoni tkunu wkoll magħna ħalli nkomplu nibdu fuq is-suċċess kbir li kellna s’issa fl-ewwel jiem tal-festa.
ritratti: Joe Attard u Anton Farrugia