Join Us On:

News Archive

BANK OF VALLETTA JGĦIN LIL FESTIVAL MEDITERRANEA

Bank of Valletta qiegħed għal sena oħra jgħin lit-Teatru Astra jorganizza l-festival annwali tiegħu Festival Mediterranea, issa fid-disa’ edizzjoni tiegħu.
 
Dan il-festival ta’ kultura, li jesponi l-opra, il-mużika, iż-żfin, l-istorja u l-arkeologija, l-ikel u l-inbid lokali, u l-arti u l-pittura, din is-sena se jkun qed jittella’ bejn it-28 t’Ottubru u s-27 ta’ Novembru.
 
Il-programm sħiħ ta’ attivitajiet tħabbar dalgħodu f’konferenza tal-aħbarijiet fil-BOV Operations Centre, li kienet indirizzata minn Michael Formosa, Chairman tal-kumitat organizzativ ta’ Festival Mediterranea, il-Prof. Mro. Joseph Vella, direttur mużikali ta’ Festival Mediterranea u surmast residenti tat-Teatru Astra, u Tonio Depasquale, il-Kap Eżekuttiv ta’ Bank of Valletta.
 
Mużika
L-attività mużikali prinċipali ta’ dan il-festival ta’ xahar sħiħ hi dik li tiftħu, l-opra. Din is-sena t-Teatru Astra għażel l-opra ‘La Traviata’. Se jsiru żewġ rappreżentazzjonijiet, il-Ħamis 28 u s-Sibt 30 t’Ottubru. Se jieħdu sehem kantanti ta’ reputazzjoni internazzjonali, fosthom uħud li se jirritornaw fuq il-palk tat-Teatru Astra u oħrajn li se jkunu qed jiddebuttaw fix-xena mużikali lokali. Is-sopran Għawdxija Miriam Cauchi se tinterpreta l-parti prinċipali ta’ Violetta, it-tenur Taljan Alessandro Liberatore se jkanta l-parti ta’ Alfredo Germont u l-baritonu Marco Chingari, il-parti ta’ Giorgio Germont.
 
L-Orkestra Filarmonika Nazzjonali se titmexxa mis-surmast direttur il-Prof. Joseph Vella, filwaqt li l-Kor tal-Opra tat-Teatru Astra se jitmexxa minn Maria Frendo. It-Teatru Astra hu kburi li rnexxielu jakkwista l-użu tal-ħiliet tad-direttur Taljan Marco Gandini għal din il-produzzjoni ta’ La Traviata. Marco Gandini hu wiehed mill-iktar kollaboraturi qrib ta’ Franco Zeffirelli u ilu jaħdem miegħu mingħajr waqfien mill-1992.
 
Appuntamenti oħra mużikali waqt Festival Mediterranea huma żewġ serati minn Opera Studio Teatru Astra (imwaqqfa iktar kmieni din is-sena biex tħarreġ lill-kantanti), kunċert mis-sopran minn Sqallija Letizia Colajanni u mit-tenur Sqalli Leonardo Alaimo, duet fuq il-pjanu mill-pjanisti Natascha Chircop u Marco Rivoltini, kunċert minn La Stella Brass Ensemble and Soloists, u l-kunċert annwali tal-Banda La Stella b’għażla ta’ mużika klassika, operistika, moderna u pop. Fil-programm ġiet inkluża wkoll il-quddiesa tal-11.00am tal-Ħadd fil-Bażilika ta’ San Ġorġ li kull ġimgħa minnha nnifisha hi kunċert mill-isbaħ għal dawk kollha li jħobbu l-mużika polifonika.
 
Wirt Storiku
L-istudjuz u arkeologu Ingliż ta’ fama Dr David Trump se jirritorna għad-disa’ sena konsekuttiva biex imexxi żjaratf’siti ta’ importanza storika bħall-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni u t-Tempji tal-Ggantija. Attività li se ssir għall-ewwel darba waqt Festival Mediterranea hi dik fejn dawk interessati jiskopru fdalijiet arkeoloġiċi tal-fuħħar mill-qrib. Dr Trump se jiddibatti ma’ studjużi oħra u nies interessati fis-suġġett tal-preistorja f’konferenza ta’ nofs ta’ nhar li tħares lejn is-suġġett enigmatiku tal-kalati (cart ruts).
 
Attivitajiet oħra jinkludu żjarat fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fil-belt Victoria, inkluż ħarsa lejn xogħlijiet ta’ Mattia Preti, żjara fl-għelieqi tal-familja Hili fl-Għarb fejn jitkabbar għeneb li jinbidel f’inbid organiku, u attivita’ oħra li fiha l-parteċipanti jaraw mill-qrib aspetti tal-proċess tat-tkabbir jew produzzjoni ta’ ikel tradizzjonali.
 
Attivitajiet oħra
Festival Mediterranea jinkludi wkoll il-produzzjoni teatrali minn The Gozo Creative Theatre Club ta’ traduzzjoni bl-Ingliż tat-traġedja ta’ Ewripide Trojan Women, spettaklu taż-żfin Truly Unforgettable minn Centre Stage Dance Academy, u serata ta’ folklor Malti minn La Stella Folk Group li qed jiċċelebra l-40 anniversarju mit-twaqqif tiegħu.
 
Lista sħiħa u d-dettalji tal-attivitajiet tinsab fuq: www.mediterranea.com.mt . Il-booking għal dawn l-attivitajiet jista’ jsir mit-Teatru Astra jew permezz tan-numri tat-telefon u l-indirizz email imniżżla isfel nett.
 
 
Waqt li kien qed jitkellem dwar il-programm ta’ attivitajiet, Michael Formosa spjega li Festival Mediterranea rnexxielu jsir appuntament annwali għal ħafna Maltin, Għawdxin u turisti li jħobbu l-kultura, anke għaliex il-festival jesponi dak li jagħmel lil dawn il-gżejjer uniċi – l-istorja, il-kultura u l-istil ta’ ħajja tagħna. Hu organizzat minn voluntiera li jaħdmu s-sena kollha madankollu r-riżultati huma professjonali għall-ahhar kif jixhed ir-rispons tal-pubbliku kull sena.
 
Il-Prof Mro Joseph Vella tkellem dwar il-kwalità għolja tal-attivitajiet mużikali li t-Teatru Astra qed jorganizza, billi wkoll jagħti spazju lil talent lokali li jingħaqad ma’ dak barrani stabbilit, fosthom artisti li se jkunu qed ikantaw f’Malta għall-ewwel darba.
 
Il-Kap Eżekutiv ta’ Bank of Valletta Tonio Depasquale qal li “Bank of Valletta appoġġja l-edizzjonijiet kollha ta’ Festival Mediteranea. L-arti u l-kultura lokali huma fost is-setturi li jingħataw għajnuna qawwija minn Bank of Valletta bħala appoġġ lill-komunità li fiha jaħdem. Rajna lil dan il-festival jikber matul is-snin u aħna kburin li aħna assoċjati ma’ din l-attività li saret appuntament annwali prominenti fil-kalendarju ta’ attivitajiet kulturali”.
 
Festival Mediterranea hu organizzat mit-Teatru Astra f’Għawdex. Bank of Valletta hu meqjus sieħeb ewlieni tal-proġett, kif inhuma l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, il-Vodafone Malta Foundation, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment.
 
Għal iktar informazzjoni:
Websajt: www.mediterranea.com.mt             
Email: [email protected] / Booking ta’ biljetti: [email protected]
Tel: 21550985 / 9988 3007 (Paul Zammit)     Media: 7943 0681 (Marion Zammit)