BANED, MARĊI U BRIJU
Festa ta’ baned, marċi u briju – Iva, il-festi kbar f’ġieħ il-kbir Megalomartri San Ġorġ iċċelebrati fil-jiem li ġejjin fil-belt Victoria huma wkoll ikkaratterizzati minn numru kbir ta’ baned mistiedna li flimkien mal-banda dekana La Stella jsemmgħulna marċi mill-aqwa li joħolqu briju grandjuż matul il-ġimgħa kollha ta’ festi esterni.
Din is-sena huma disgħa l-baned mistiedna, li ser jieħdu sehem matul il-ġimgħa tal-festa. Fost dawn il-baned, tlieta huma Maltin, u hawn irridu nsemmu l-parteċipazzjoni tal-banda Beland taż-Żejtun li ser tkun qed tagħmel l-ewwel dehra tagħha fil-festa tagħna. Il-baned l-oħra Maltin illum huma sinonimi mal-festa tagħna: il-banda ċittadina King’s Own tal-belt Valletta li ilha snin twal tagħti servizz singolari fil-festa tagħna, u l-banda San Ġorġ Martri ta’ Ħal-Qormi li llum hija marbuta sew mal-marċ il-kbir tal-Ħadd filgħodu f’beltna.
Fuq in-naħa l-oħra mbagħad għandna sitt baned Għawdxin li ser jipparteċipaw fil-festa tagħna – baned li ġejjin minn irħula li lkoll għandhom relazzjoni ferm tajba mas-Soċjetà tagħna b’mod speċjali l-baned: Mnarja (Nadur); Santa Margerita (Sannat) u Ite Ad Joseph (Qala) li ser jagħtu żewġ servizzi kull wieħed fil-festa ta’ San Ġorġ.
Fuq kollox, il-banda residenti – il-banda ċittadina u dekana La Stella ser tkun impenjata f’xejn inqas minn tmien darbiet bejn it-Tlieta 14 ta’ Lulju u l-Ħadd 19 ta’ Lulju, nhar il-festa. Il-banda La Stella tiftaħ is-servizzi tagħha b’marċ brijuż qabel il-ħruġ min-niċċa tal-istatwa titulari li jibda minn quddiem il-knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb (Taċ-Ċawla) u jintemm fil-pjazza. Il-banda ser tmexxi wkoll tnejn mill-erba’ dimostrazzjonijiet fil-ġimgħa tal-festa: dik tal-ewwel jum tat-tridu bl-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel u dik tal-aħħar jum tat-tridu bl-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ, l-ewwel statwa għall-festi esterni f’Għawdex. Lejlet il-festa l-banda għandha tliet servizzi oħra: wieħed filgħodu; il-marċ tat-translazzjoni; u l-marċ il-kbir ta’ lejlet il-festa filgħaxija flimkien mal-banda King’s Own. Nhar il-festa, il-banda tagħmel marċ qabel il-purċissjoni, tilqa’ l-istatwa titulari bid-daqq tal-innu immortali A San Giorgio Martire u wara takkumpanja l-purċissjoni. Fl-aħħarnett ikun imiss il-marċ brijuż wara l-purċissjoni li jagħlaq dawn il-festi.
Ngħaddu issa għal-lista’ ta’ servizzi tad-disa’ baned mistiedna għall-festa 2009:
Għaqda Mużikali Ite ad Joseph – Qala
It-Tlieta fid-9.30pm: Marċ brijuż minn Triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ fejn jingħata bidu għad-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ. Id-dimostrazzjoni tintemm fi Pjazza San Franġisk.
Il-Ħadd fis-7.30am: Marċ minn Pjazza San Franġisk sa Pjazza San Ġorġ.
Soċjetà Mużikali Santa Margerita V.M. – Sannat
L-Erbgħa fid-9.30pm: Marċ brijuż minn Tirq l-Arċisqof Pietru Pace sa Pjazza San Franġisk fejn jingħata bidu għad-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ fuq iż-żiemel. Id-dimostrazzjoni tintemm fi Pjazza San Ġorġ.
Il-Ħadd fil-11.00am: Marċ brijuż u popolari fil-qalba tal-belt Victoria.
Soċjetà Mużikali Beland – Żejtun
Il-Ħamis fid-9.30pm: Tieħu sehem fid-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ Patrun t’ Għawdex, li tintemm fi Pjazza Savina.
Banda Santa Marija – Żebbuġ
Il-Ħamis fid-9.30pm: Tieħu sehem fid-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ Patrun t’ Għawdex, li tintemm fi Pjazza Savina.
Banda Prekursur – Xewkija
Il-Ġimgħa fid-9.30pm: Marċ minn Triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ, fejn tesegwixxi programm mużikali.
Soċjetà Filarmonika Mnarja – Nadur
Il-Ġimgħa fl-10.30pm: Tieħu sehem fid-dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ San Ġorġ Rebbieħ li tintemm fi Pjazza Indipendenza.
Il-Ħadd fit-8.15pm: Marċ minn Pjazza San Franġisk sa Pjazza San Ġorġ fejn tesegwixxi programm mużikali.
Banda Ċittadina King’s Own – Belt Valletta
Is-Sibt fit-8.00pm: Programm mużikali fi Pjazza San Ġorġ. Wara tieħu sehem fil-marċ singolari u kolossali ta’ lejlet il-festa.
Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri – Ħal Qormi
Il-Ħadd fil-11.00am: Marċ brijuż u popolari fil-qalba tal-belt Victoria.
Għaqda Mużikali San Ġużepp – Għajnsielem
Il-Ħadd fit-8.00pm: Marċ minn Pjazza San Franġisk sa Pjazza Indipendenza fejn tesegwixxi programm mużikali.
Hija komuni ħafna l-frażi: “Festa mingħajr banda mhix festa”. Fil-festa ta’ San Ġorġ għal banda waħda għandna għaxra, u għalhekk għal sena oħra din hija garanzija oħra li l-festa tagħna ser tkun waħda kbira u inimitabbli f’kull sens. Bir-raġun kollu l-festa tal-Kbir Martri San Ġorġ tibqa’ għal dejjem: la festa piu’ popolare del paese.