AZZJONI KUNDANNABBLI
Stqarrija tal-Presbiterju Parrokkjali ta’ San Ġorġ
Hu ta’ dispjaċir għalina l-Presbiterju tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ, li waqt attività pubblika b’kommemorazzjoni ta’ l-għotja ta’ l-istatwa titulari ta’ Marija Assunta lill-parroċċa lilha ddedikata fil-Belt Victoria, indaqq b’żufjett marċ li jevoka l-antifona f’ġieħ San Ġorġ Martri. Dan seħħ fi Pjazza Indipendenza, nhar il-Ħadd 29 ta’ April 2012, inqas minn tmint ijiem fuq it-23 ta’ April, jum it-tifkira liturġika ta’ San Ġorġ.
L-imħabba tagħna lejn Marija Assunta u lejn San Ġorġ u, b’mod ġenerali, il-qima lejn il-qaddisin m’għandhom qatt ikunu għalina l-Kattoliċi materja ta’ kontroversja. L-isem qaddis tagħhom, l-imkejjen tal-kult Kattoliku u t-testi sagri tal-liturġija m’għandhom qatt ikun mira ta’ żufjett jew jintużaw f’rivalità li la hi f’lokha u wisq inqas tista’ tħalli ġid veru.
Aħna, il-Presbiterju tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ, nieħdu din l-okkażjoni ta’ niket sabiex għal darb’oħra nsejħu għall-imġiba li tirrispetta l-prinċipji tal-ġustizzja, tal-verità u tar-rispett reċiproku.
Aħna s-saċerdoti tal-parroċċa ta’ San Ġorġ nagħmlu ħilitna ħalli ż-żewġ naħat nersqu dejjem aktar lejn xulxin sabiex iż-żewġ festi għeżież li għandna fil-Belt Victoria jsiru b’dinjità u jħallu ġid spiritwali.