Join Us On:

News Archive

Awwissu: ix-xahar li jfakkar is-Separazzjoni

L-1 ta’ Awwissu 1955. Il-Kurja Veskovili ta’ Għawdex. L-isqof djoċesan Mons. Ġużeppi Pace jiffirma d-digriet Cum hodiernis temporibus. 267 sena ta’ inġustizzja u prepotenza imħassra b’ġest nobbli ta’ isqof missier.
 
Għalina l-Ġorġjani, u għal min għandu għal qalbu l-interess tal-Knisja Għawdxija, dan il-jum hu wieħed tad-deheb fl-istorja ekkleżjastika u soċjali ta’ gżiritna. Tassew l-isqof Ġużeppi Pace ħaqqu monument ikbar milli għandu fil-bażilika Ġorġjana: kif intqal tant tajjeb, hu ssogra jirfes fejn isqfijiet oħra qablu ma indenjawx jew ma rnexxielhomx, biex refa’ l-isem tal-parroċċa ta’ San Ġorġ għad-dinjità li, għalkemm hi tagħha bi dritt, oħrajn ippruvaw jużurpawlha għall-fini tagħhom. Għemil inġust ta’ Mons. Davide Cocco Palmieri u Dun Carlo Magri ġie mħassar b’wieħed ġust u rett ta’ Mons. Ġużeppi Pace, u miegħu Ġorġjani veri bħalma kienu Mons. Franġisk u ħuh Ġużeppi Portelli, Mons. Emanuel Mercieca, u mhux b’inqas l-arċipriet Mons. Mikiel Cefai, li bħall-predeċessuri kapaċi tiegħu żamm dejjem għal qalbu l-interess ta’ San Ġorġ qabel kull interess ieħor.
 
Il-bidu tax-xahar sajfi ta’ Awwissu 1955 ra l-inawgurazzjoni ta’ kapitlu ġdid fl-annali qodma tal-ewwel parroċċa tal-gżira. L-abrogazzjoni tal-“unjoni”, iffirmata fl-1688, bejn il-kolleġġjata tal-Kastell u l-parroċċa tal-belt u tal-gżira, ġabet nifs frisk fil-ħajja parrokkjali ta’ San Ġorġ. Xegħlet mill-ġdid fil-qalb ta’ wlied Ġorġi l-entużjażmu li oħrajn riedu jitfu bit-tixwix u l-qerq tagħhom, biex, bħal ta’ qabilhom, jissieltu għall-ġieħ tal-knisja parrokkjali tagħhom li għal kważi tliet mitt sena tat servizz bl-imħabba ta’ min jaf jaqdi lill-poplu kollu tal-gżira, minkejja li sqewha l-ħall tal-arroganza u s-semm tal-prepotenza. Il-poplu Ġorġjan f’qalbu kien dejjem ħieles u sovran: l-ebda digriet ma kien jeħtieġ biex iħollu minn xi rbit ġewwieni, iżda biss minn dak barrani, magħmul bil-ħażen ta’ kompromess mal-poter u l-flus li jagħmu.
 
L-1 ta’ Awwissu 1955 għamel ġustizzja mat-talba ħerqana u f’postha tal-kleru u l-poplu Ġorġjan, ispirat mill-viżjoni nobbli ta’ Mons. Giuseppe Farrugia, għal kolleġġjata fl-1895, waħda li sfat imfixkla u miġjuba fix-xejn mill-kapitlu tal-Katidral; għamel ġustizzja mal-weġgħa kbira għas-sentenza inġusta tas-Sacra Romana Rota li, fuq pressjoni tal-mibgħuta Għawdxin, wieġbet għall-appell tal-kleru ta’ San Ġorġ bil-kelmiet “minus principalis” fuq għaqda li qatt ma kienet hekk; għamel ġustizzja mal-umiljazzjoni mġarrba mill-parroċċa ta’ San Ġorġ u mill-Ġorġjani Ta’ l-Istilla.
 
Id-digriet tas-Separazzjoni, iffirmat mill-mibki isqof Ġużeppi Pace, hu rebħa kbira għall-parroċċa ta’ San Ġorġ u jum li aħna Ta’ l-Istilla, ulied veri u leali tagħha, nibqgħu niċċelebraw għomorna kollu. Għax smajna minn ta’ qabilna u llum nafu biżżejjed xi jfisser jippruvaw ibaxxuk u jarmuk, xi jfisser tkun maħqur u umiljat minn min suppost jirringrazzjak għax hu midjun miegħek bil-kbir. Aħna poplu li ngħixu b’din il-memorja, u meta titħassar din nitħassru aħna magħha. U l-memorja ta’ dak li konna u li aħna l-lum tkompli tgħollina biex inkunu dak li, bħal isem beltna, issejjaħna għalih: “A magna maxima”. Illum hu jum ta’ memorja: ta’ ġrajja li, hi u tħassar dak li kasbarna, xegħlet iżjed f’qalbna l-għarfien tal-identità kbira tagħna… L-għajb hu għal min kien inġust; dan jixhdu s-sewwa li, kif jirbaħ dejjem, rebaħ u rebbaħna miegħu fl-1 ta’ Awwissu 1955.
 
Bħal dakinhar, illum ukoll, erbgħa u ħamsin sena wara, ninsabu fuq saqajna u m’aħniex lesti li nħallu lil ħadd ibaxxi l-isem ta’ San Ġorġ ta’ ruħna u qalbna!