ATTIVITAJIET TAL-MILIED
In-Novena tal-Milied
Illum tibda n-Novena tal-Milied li fil-parroċċa tagħna se tkun fis-6.00pm. Aħna nħeġġu t-tfal u l-adolexxenti tagħna, imma wkoll lill-familji kollha, biex jattendu bi ħġarhom għal dan l-appuntament importanti u b’hekk inkunu qed nitħejjew tajjeb u bis-sens għall-festa qaddisa tal-Milied. In-Novena għat-Tfal u l-Familja din is-sena għandha t-tema: Ser nilqgħuh lil Ġesù dan il–Milied? u sa titmexxa minn Dun Dominic M. Sultana. Fi tmiem kull Quddiesa tan-Novena jitqassmu rigali ta’ ħelu lit-tfal preżenti.
Diversi kunċerti tal-iskejjel
Dawn il-jiem iġibu magħhom attività aktar mis-soltu fit-Teatru Astra. Diversi skejjel f’Għawdex se jkunu qed jagħmlu l-kunċert annwali tagħhom tal-Milied fit-Teatru Astra. Irridu ngħidu li minn wara l-Opra li ttellgħet f’Ottubru l-palk tat-Teatru Astra kien attiv ferm bil-kunċert annwali tal-Banda La Stella, żewġ drammi fil-programm ta’ Festival Mediterranea 2015, u diversi kunċerti tal-iskejjel.
Kunċertini fil-Mużew il-Ħaġar
Matul Diċembru il-mużew il-Ħaġar qed jorganizza kunċertini żgħar, l-hekk imsejħa lunch time concerts kull nhar ta’ Sibt bejn il-11.30am u nofsinhar. Nhar is-Sibt li ġej imiss it-tielet kunċert li se jittella mill-Kor Laudate Pueri taħt id-direzzjoni tal-Kan. Dun Gorg Frendo.
Kunċert mill-Chorus Urbanus fil-Bażilika ta’ San Ġorġ
Nhar is-Sibt 19 ta’ Diċembru fit-8.00pm se jittella’ l-Kunċert tal-Milied mill-Chorus Urbanus u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta fil-Bażilika ta’ San Ġorġ. Il-Kunċert se jkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Dr John Galea. Waqt il-kunċert se ssir ġabra b’risq il-Community Chest Fund. Id-dħul huwa b’xejn.
Ċelebrazzjonijiet ta’ żmien il-Milied
Matul dawn il-jiem il-Bażilika ta’ San Ġorġ tkun imfittxija ħafna mhux biss mill-parruċċani tar-Rabat, imma wkoll minn bosta nies mill-irħula u Maltin li jkunu fostna għal dawn il-jiem. Dan jgħodd b’mod speċjali għall-Quddiesa ta’ Nofsillejl u l-Quddies kollu matul il-jiem tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Il-kant sagru waqt iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi jsir mill-Kor tal-Bażilika Laudate Pueri u mill-iSchola Cantorum Gregoriana taħt id-direzzjoni tal-Kan. George J. Frendo, assistent maestro di cappella. Il-Qrar isir kuljum fil-Bażilika u fis-Sagristija. Tkun ħaġa sabiħa li l-Qrara ma titħalliex għal lejlet il-Milied jew għal waqt il-Quddiesa li wieħed ikun sa jieħu sehem fiha.
Presepju b’Differenza fid-Dar Leħen il-Belt Victoria
Fid-Dar Leħen il-Belt Victoria hemm għall-wiri presepju artistiku mtella’ mill-Għaqda Żgħażagħ La Stella. Dan il-presepju uniku fit-tema tiegħu jirrappreżenta personaġġi u karattri li normalment ma nassoċjawhomx mal-presepju. Tkun ħaġa sabiħa li nżuru dan il-presepju interessanti matul dawn il-jiem.
Kunċert mill-Kor tat-Tfal tat-Teatru Astra Piccole Stelle
Wara l-parteċipazzjoni xi jiem ilu tal-Kor Piccole Stelle fil-mixegħla tad-dwal ta’ Pjazza Indipendenza u Triq ir-Repubblika (ara ritratti), issa jmiss kunċert nhar il-Milied fi Pjazza San Ġorġ fit-8.00pm. Din is-sena l-kunċert se jkun In Aid of Ethiopia u taħt id-direzzjoni mużikali ta’ Mariella Spiteri Cefai. Kulħadd huwa mistieden u indirettament ikun qed jgħin fi proġett nobbli favur dawk anqas ixxurtjati minna.
Intant, nifirħu lil Carl Curmi, membru tal-Kor Piccole Stelle, għall-unur prestiġjuż li rċieva dan l-aħħar fejn ingħata l-Midalja għall-Qlubija ta’ Ġieħ ir-Repubblika bħala rikonoxximent għal meta dan is-sajf salva liċ-ċkejken Eman.