Join Us On:

News Archive

ATTIVITÀ GĦALL-ALLIEVI U Ż-ŻGĦAŻAGĦ

L-Għaqda Bandisti Żgħażagħ La Stella rat it-twelid tagħha f’Lulju 2008, u matul is-sena li għaddiet minbarra li ħajret numru ta’ tfal u żgħażagħ jidħlu fl-iskola tal-mużika tas-Soċjetà La Stella, organizzat numru ta’ attivitajiet extra kurrikulari għall-allievi, u anke għan-numru kbir ta’ bandisti żgħażagħ li diġà jiffurmaw parti mill-banda. L-għan ta’ din l-għaqda, li hija wkoll rappreżentata fil-kumitat ġenerali tas-Soċjetà, hu li tkompli ssaħħaħ l-element żagħżugħ fil-banda u fl-istess waqt torganizza attivitajiet li jkomplu jgħaqdu dan in-nukleu ta’ żgħażagħ fi ħdan l-istess banda.
 
Propju nhar il-Ġimgħa li għaddiet, l-aħħar jum tax-xahar ta’ Lulju, din l-għaqda organizzat barbeque għall-allievi u bandisti żgħażagħ fuq il-bejt tal-każin. Minbarra numru sabiħ ta’ allievi u żgħażagħ kien hemm preżenti wkoll membri tal-kumitat ġenerali u għalliema tal-allievi. Għal din l-attività ġew mistiedna wkoll numru ieħor ta’ żgħażagħ u tfal li għadhom ser jibdew it-taħriġ tagħhom fil-mużika, propju dan ix-xahar. L-attendenza kienet waħda sabiħa ħafna u mad-daqq tal-marċi brijużi għaddejna serata mill-isbaħ. Hawn wieħed irid jirringrazzja lill-membri kollha ta’ din l-għaqda li flimkien mal-għalliema tal-mużika tas-Soċjetà tagħna qed ikomplu jiġbdu lejn il-banda tagħna żgħażagħ u tfal, li għalkemm illum għandhom ħafna aljenazzjonijiet xorta jagħżlu li jiġu jitgħallmu l-mużika fil-każin tagħna.
 
Ningħaqdu ma’ din l-għaqda, fl-għajta tagħna biex aktar tfal u żgħażagħ jitħajru jitgħallmu xi strument mal-banda tagħna. It-tagħlim, kif dejjem sar huwa mingħajr ħlas, u barra minn hekk, is-Soċjetà tipprovdi wkoll strument b’xejn lil kull min jibda jitħarreġ il-mużika fl-iskola tal-mużika tas-Soċjetà. Min huwa interessat għandu jikkuntattjana jew permezz tal-email [email protected] jew inkella billi ċċemplu fuq 9901 8011.
 
Ritratti: Katya Mizzi